Il-Partit Nazzjonalista jrid joqgħod attent kif jitkellem dwar l-AirMalta: għaliex qiegħed fl-istess sitwazzjoni
Minn osservatur politiku
Il-Partit Nazzjonalista jrid joqgħod attent xi jgħid fuq il-pjan tal-gvern li jillikwida l-AirMalta u jiftaħ linja tal-ajru ġdida mingħajr dejn. Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista kellu l-istess pjan meta kien fil-Gvern. Qed nirreferu għal żmien Tonio Fenech u Austin Gatt.
Iżda minbarra f’hekk, il-Partit Nazzjonalista jrid jagħżel kliemu b’reqqa għax wisq probabli se jkollu jagħmel l-istess bil-media tiegħu. Dan wara li l-Kap Bernard Grech ikkonferma li l-media.link għandha €32 miljun f’dejn. U l-uniku mod kif jibqa’ jopera l-media tiegħu il-Partit Nazzjonalista hu li jagħlaqha u jiftaħ oħra.
Dalgħodu l-Prim Ministru kien qed jitkellem fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista l-ONE. Huwa ġie rrapurtat li qal li pajjiżna ser jibqa’ jkollu l-linja nazzjonali tiegħu. Dan kien qiesu l-messaġġ li Dr Abela ried jgħaddi lill-impjegati tal-kumpanija AirMalta. Fil-fatt il-Prim Ministru stqarr li l-Gvern ser jieħu ħsieb l-impjieg tal-ħaddiema tal-AirMalta. Huwa qal li dawk il-ħaddiema li għażlu li jibqgħu fuq il-kotba tal-linja tal-ajru nazzjonali ma kienux se jerfgħu l-piż u l-prezz tar-riforma. Hu enfasizza li anke l-manifest elttorali qal dan u l-ħsieb hu li jibqgħu jimxu miegħu.
Imma Dr Abela qagħad attent kif ipoġġi kliemu. Hu ma għamel ebda dikjarazzjoni jew ma kienx ċar li l-istess kumpanija AirMalta ser tkun kapaċi li twettaq il-pjanijiet ta’ ristrutturar. Dr Abela qal li hu jħoss li l-linja nazzjonali tista’ tkun sostenibbli speċjalment meta wieħed jiftakar li aħna ngħixu fuq gżira. Dr Abela qal li s-sitwazzjoni preżenti tal-AirMalta hija riżultat ta’ fatturi diversi.
Ma tistax ma tħarisx lejn il-problema kbira li kull airline qed tiffaċċja minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żjut. Huwa kompla li l-pandemija kellha effett qawwi meta l-AirMalta, bħal ħafna airlines oħra, kellha twaqqaf jew tnaqqas drastikament il-vjaġġi tagħha.
Biss Dr Abela semma wkoll il-problemi li ilhom għaddejjin fit-tmexxija tal-istess kumpanija tal-ajru.