Investiment ta’ flus tal-Gvern li ma jagħmlux sens
Minn osservatur politiku
F’dawn l-aħħar ġimgħat sirna nafu li l-Gvern ser jonfoq miljuni kbar fuq żewġ inizzjattivi li ma jagħmlux sens fis-sitwazzjoni preżenti tal-pajjiż. F’temp ta’ ftit ġranet il-Gvern daħal fi ftehim fuq żewġ inizzjattivi tiegħu li ser jiswew lil Malta mas-sebgħin miljun euro. €20 miljun ser jingħataw lil Manchester United bħala sponsorship. Rajna lill-Ministru tat-turiżmu jieħu t-ritratti f’Old Trafford Ground biex jikkonferma li dan l-
Iktar jagħmel sens li l-flus jintefqu fuq il-poplu kollu Malti u Għawdxi, biex itaffi ftit il-piż tal-għoli tal-ħajja li refgħet rasha waħda sew. Tant hu hekk li l-istess Gvern qed jgħidilna biex nissikkaw iċ-ċinturin. Iridna noqgħodu attenti ta’ kif nonfqu flusna ħalli ma jkunx hemm infiq żejjed. Imma fl-istess ħin hu, bħala Gvern, qed jonfoq miljuni ta’ euro li ma għandux. Qed ikompli jiddejjen u jżid id-defiċit li qed jasal fi stat li ma jkunx sostenibbli.
Rajna lill-Ministru tat-turiżmu jieħu t-ritratti f’Old Trafford Ground biex jikkonferma li dan l-isponsorship se jerġa’ jseħħ.
Nispera li qabel l-ministru iffirma din in-nefqa sar l-istudju neċessarju biex wieħed jara kemm irrenda dan l-investiment. Nisperaw li ma ntefqux dawn il-miljuni kollha u r-riżultati ma ġewx.
Fuq ħaġa oħra l-Gvern wiegħed li ser jonfoq €50 miljun li ser imorru għall-ħaddiema tal-Air Malta li ser jitnaqqsu minn fuq il-kotba tal-kumpanija. Dawn il-ħaddiema ser jitilfu posthom minħabba tnaqqis ta’ nies jaħdmu ma’ din il-kumpanija li ma tistax tlaħħaq mal-pagi kollha li għandha.
Bil-fors wieħed irid jikkummenta li f’din il-kumpanija sar tgħaffiġ kbir. Kull Ministru li kellna prova jħalli t-timbru tiegħu imma flok għamel il-ġid spiċċa dejjem neffaq lil Air Malta ħafna miljuni żejda u din il-kumpanija dejjem spiċċat viċin falliment. Issa għandna lill-Ministru preżenti li biex jipprova jsolvi l-problemi li hemm fl-Air Malta qed iwiegħed li jagħti lill-impjegati, bħala ‘golden handshake’ eluf kbar kull wieħed.
Skond il-Malta Employers Association (MEA) dawn il-ħaddiema ser jirċievu bejn €40,000 u €300,000 kull wieħed jew waħda. Dan ser jinħadem skond is-snin li l-impjegat ikun għamel jaħdem mal-Air Malta.
Din hija miżura li l-MEA sejħitilha oxxena u bla preċedent. Dawn l-ammonti konsidrati essaġerati mill-MEA ma jagħmlux sens u huma turija li l-Gvern tal-ġurnata falla f’dak li kellu jagħmel u biex jostor l-iżbalji u n-nuqqas ta’ kapaċita, qed joffri dawn il-flus.
Imma hawn fejn qed jiżbalja l-Gvern. Għandna l-edukazzjoni u s-saħħa li qed jibku għal iżjed investiment. Mela ma kienx ikun aħjar li kieku l-Gvern qabad dawn is-€70 miljun u investihom hemmhekk u mhux berbaqhom fuq il-Manchester United u ‘golden handshakes’ essaġerati.