Il-motto Religio et Patria u l-kultura “woke” tal-PN
Dan l-aħħar ġranet il-Malta Independent tatna editorjal fejn semmiet il-problema kbira ta’ identita’ li għandu l-Partit Nazzjonalista. L-istorja tal-partit turi kemm l-istess partit kien kburi bil-motto tiegħu ‘religio et patria’. Tul is-snin, ħafna Maltin u Għawdxin ħassew li setgħu jimxu id f’id ma’ dan il-motto u jimxu wkoll wara l-partit li kien iġorr dan it-twemmin. B’dawn il-prinċipji fi ħdanu l-Partit Nazzjonalista kien jattira l-masses u kellu eluf ta’ nies jemmnu fil-kapaċita’ tal-partit li jmexxi il-pajjiż b’dak it-twemmin.
Fit-tmeninijiet, it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kienet oppożizzjoni valida għal dak li kien qed jipproponi u jmexxi bih il-Partit Laburista. Kienet dik l-identita’ li żammet, anżi għaqqdet lill-partitarji flimkien biex jiġġieldu l-vjolenza u t-taqbidiet għad-demokrazija. Ftit wara msaħħaħ b’dawk l-istess prinċipji. il-Partit Nazzjonalista ngħaqad biex daħħal lill-pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Illum wieħed jista’ jgħid li l-motto tal-Partit Nazzjonalista ma għadux jinħass bħala kalamita’ għan-nies biex jingħaqdu miegħu. Ir-reliġjon fil-politika qed tiġi mwarrba. U meta għandek politika li tinħema fuq l-individwu tnaqqas mis-sinifikat tal-‘patria’.
Ħaġa oħra li qed toħloq diffikulta’ fl-identita’ għall-Partit Nazzjonalista hija li l-istess partit ma għandux viżjoni għal xi ħaġa li jixtieq iwettaq. Donnu l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista daħlet f’ambjent imċajpar li qed joħnoq xi tip ta’ futur għall-istess partit. Jekk il-viżżjoni tiegħu kellha tkun li jiġġieled lill-woke, dan l-istess partit sar parti minn din l-ideoloġija tal-woke.
Jista’ jkun wkoll li telfa, waħda wara l-oħra, għal snin twal, qed ikollha effett fuq l-identita’ tal-Partit Nazzjonalista. Hemm ukoll il-fatt li fil-Partit Nazzjonalista hemm diviżjonijiet li tħosshom ta’ kuljum.
Il-problema kbira finanzjarja li, kontra kull prassi, xandar Dr Bernard Grech, żgur li poġġiet lill-Partit Nazzjonalista f’aktar baħar imqalleb. In-nuqqas ta’ entużjażmu min-naħa tal-partitarji, anżi l-kwantita’ ta’ nies li qed jitbiegħdu mill-partit qed tkompli tagħfas fuq kemm jistgħu jżommu xi tip ta’ identita’.
It-tmexxija preżenti għadha ma sabitx xi tip ta’ viżjoni li b’xi mod tista’ tqarreb aktar nies lejn il-Partit Nazzjonalista. Fl-2017, Simon Busuttil ibbaża l-identita’ tal-Partit, li kien qed imexxi, fuq pożizzjoni iebsa kontra l-korruzzjoni. Sfortunatament dik ma tatx riżultati mistennija, anżi kompliet żiedet id-distakk elettorali. Dik kienet l-aħħar pożizzjoni ta’ identita’ li ħa l-Partit Nazzjonalista.
Taħt Adrian Delia l-Partit Nazzjonalista resaq ħafna iżjed lejn il-poplu u niżel qalb in-nies. Imma kemm ilu li ħa f’idejh it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, l-istess Partit spiċċa bla identita’ ta’ xejn. Spiċċa partit woke.
Anżi bil-u-turns li beda jagħmel poġġa lill-partit tiegħu f’pożizzjoni li ħadd ma seta jħares lejn xi viżżjoni għall-futur tal-pajjiż.
Dr Grech waħdu rnexxielu joħnoq kull identita’ li seta’ kellu l-Partit Nazzjonalista. Eżempji ċari huma l-kwistjoni cannabis u l-oħra tal-IVF. Jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jkun effettiv irid, kemm jista’ jkun malajr, jingħaqad f’diskussjonijiet fejn jipprova jsib l-identita’ tiegħu.
Biss hemm problema prinċipali. Il-kap tal-ġurnata ma jidhirx li huwa l-bniedem idoneu biex iwassal il-Partit Nazzjonalista li jingħaqad madwar mejda u jifforma dak li għandu jkun il-futur tiegħu. Hemm wisq spag imqabbdin ma’ Bernard Grech li qed jiġbduh lejn direzzjonijiet differenti li mhux qed iwasslu għal xi riżultat.
U fuq kollox, hemm wisq kultura ta’ mibegħda li hija l-anti-teżi tal-motto tal-partit – “religio et patria“.