Id-deputat Nazzjonalista Alex Borg juri s-solidarjeta’ tiegħu mal-Pulizija wara l-inċidenti tal-bieraħ fil-Ħamrun
Wara l-inċidenti tal-bieraħ fil-Ħamrun, Id-deputat Nazzjonalista wża l-Facebook page tiegħu biex juri s-solidarjeta’ tiegħu mal-pulizija. Fil-messaġġ tiegħu Borg kiteb hekk:
Solidarjeta’ ma’ kull min bħalissa jilbes l-uniformi tal-Pulizija.
Dawn il-membri tal-Korp għandhom familja. Dawn il-membri tal-Korp għandhom id-dritt li jmorru għax-xogħol b’moħħhom mistrieħ u mhux jafu kif ħarġu mid-dar imma kif ser jidħlu ma jafux.
Ministru Byron Camilleri u Kummissarju Gafa’ tkomplux tħallu lil dawn il-membri tal-Korp f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Pajjiżna m’għadhux li kien u hemm bżonn tifhmu li dawn iridu jkunu armati għal kull eventwalita’ li tista’ tinqala’ u ppruvaw ifhmu li żewġ pulizija ma jistgħux iwaqqfu ġlied ta’ gruppi li qed ikollna kważi kuljum.
Li ġara lbieraħ fil-Ħamrun qed jiġri f’Għawdex ukoll u dan xbajt nisħaq fuqu imma qisu għalikom dan mhux biżżejjed. Issa xħin iweġġa’ xi pulizija gravi jew tintilef xi ħajja mbagħad noqgħodu ngħidu miskin u kemm ser nagħmlu minn kollox biex dak li għamel il-ħażin jieħu li ħaqqu.
Il-protesti fit-triq mhumiex il-pjaċir tiegħi, biss tkomplux titrattaw lil dawn il-membri ta’ żibel għax issa qed jinqabeż kull limitu!
Ma rrid lil ħadd minn uliedna jweġġa’ speċjalment minħabba nuqqas ta’ sigurta’ li tkun ġiet offruta lil dawn il-membri.
Armaw lil uliedna l-pulizija sabiex ħadd minnhom ma jweġġa’.