In-nuqqas ta’ entużjażmu fil-Partit Nazzjonalista

Minn osservatur politiku

Wieħed mill-impenji li għandu jkollu Alex Perici Calascione, bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, huwa li jinjetta doża qawwija ta’ entużjażmu. Mhux faċli li tqajjem lis-sostenituri tiegħek meta jkun intilef l-entużjażmu neċessarju f’partit politiku. Imma hemm bżonn li jsir dan jekk il-partitarji jridu jaraw lill-partit tagħhom iqum fuq saqajh. Dan huwa element importanti biex partit politiku jerġa jibda jieħu r-ruħ.

Trid l-entużjżmu biex torganizza ruħek. Irid ikun hemm l-entużjażmu jekk il-partit irid jara numru ta’ voluntiera jersqu lura lejn l-istess partit. Fuq kollox trid partitarji entużjażti biex jgħinuk toħroġ mill-pjaga finanazjarja li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.

Huwa minnu li l-Partit Nazzjonalista għadu kif qala’ tkaxkira mperdonabbli fl-elezzjoni ġenerali ta’ ħames xhur ilu b’numri diżastrużi. Hemm ukoll bħalissa nuqqas kbir ta’ interess fil-politika. Pajjiżna jinsab wieqaf f’dawn iż-żminijiet ta’ sajf sħun. Jista’ jkun ukoll li t-telfa fl-elezzjoni ġenerali tat daqqa l-isfel fl-impenn tal-partitarji lejn il-partit meta jiftakru li ilu jitlef elezzjoni waħda wara l-oħra mill-2009 ‘l hawn.

Anke fuq livell amminstrattiv tal-partit qed jintwera nuqqas ta’ entużjażmu. Kif tista’ tfisser in-nuqqas ta’ kontestanti kemm għal kap kif ukoll għal viċi kap jekk mhux għax il-Partit Nazzjonalista għaddej minn żminijiet fejn l-entużjażmu politiku ma jinsab imkien? Kif tista’ jkollok ċertu ħeġġa meta tara li l-pożizzjoni ta’ kap ġiet kumbattuta biss minn persuna li għadu ġej minn telfa ta’ 40,000 vot jew viċi kap ġdid li ma hu ġdid xejn għax jista’ jitqies bħala bniedem riċiklat politikament.

Fil-fatt in-nuqqas ta’ entużjażmu ntweriet ukoll mill-kmamar tal-aħbarijiet u mill-medja soċjali fejn ftit li xejn kien hemm ħeġġa jew impenn fuq iż-żewġ kandidati li ħarġu għaż-żewġ pożizzjonijiet fil-partit. In-nuqqas ta’ kontestazzjoni kompliet żiedet u mmarkat iżjed in-nuqqas ta’ entużjażmu fil-partitarji tal-partit. Dan intwera anke mill-kunsilliera li persentaġġ qawwi baqgħu l-bogħod mill-elezzjonijiet.

Biex tkompli tgħaxxaqha f’dawn il-ħames xhur komplejna naraw aktar nies jew sostenituri jkomplu jabbandunaw lill-Partit Nazzjonalista. Dan barra n-numru ta’ ġenerali li kellu madwaru Bernard Grech li rriżenjaw u abbandunaw il-vapur. Kellna wkoll kritika miftuħa minn deputati, kandidati u sostenituri tal-Partit Nazzjonalista fejn saħansitra ġiet mitluba r-riżenja tal-istess Kap. Mhux ser tkun faċli biex jerġa’ jirrenja l-entużjażmu fil-Partit Nazzjonalista. Nafu sewwa li Bernard Grech ma rnexxilux jinjetta dak l-entużjażmu meħtieġ. Mela issa li hemm hu, l-onus jaqa’ fuq Perici Calascione, biex forsi jipprova joħroġ lill-Partit tiegħu minn din id-dilemma li jekk mhux ser tittieħed azzjoni fuqha nistgħu naraw lill-Partit Nazzjonalista jisparixxi mix-xena politika ta’ pajjiżna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *