In-nies jitolbu għal Fr. Seguna bagħtu messaġġ ċar: qed jitilfu l-fiduċja tagħhom fl-istituzzjoni tal-qrati u tal-pulizija ta’ dan il-pajjiż
Ilbieraħ kellna protesta paċifika mix-Xlukkajri li ħadet il-forma ta’ velja ta’ talb.
Din seħħet wara li ftit tal-jiem ilu, il-poplu kien imsejjaħ biex jinġabar quddiem il-qorti biex jiddefendi lil Frederick Azzopardi. Infakkar li skont Joseph Muscat, din il-persuna ma kellhiex tkun imressqa l-qorti. Il-jum wassal u l-folla nqabret quddiem il-qorti. Forsi kienet waħda fqira jew mhux daqs kemm wieħed stenna imma xorta ħalliet impatt. Bagħtet tagħlima li għal Labour, il-partit huwa akbar minn kull ħaġa oħra.
Issa għandna l-każ ta’ Fr Luke Seguna. Dan tressaq il-qorti. Il-Knisja warrbitu u kważi ġa kkundannatu daqs li kieku ħati, kemm bis-silenzju tagħha u bl-istqarrija li għamel l-istess arċisqof Scicluna.

U hawn toħroġ l-ewwel differenza bejn min vera huwa leader u min huwa ġifa. Mexxej ta’ veru ma jabbandunax il-ħrief tiegħu. Wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx ma’ Joseph Muscat, imma Muscat ta tagħlima tajba lil Scicluna. Joseph Muscat wera l-istituzzjoni hija ikbar mill-bniedem u l-qaddej fidil tiegħek ma tarmihx meta jkun f’baħar imqalleb.
Dan li qatt ma rrealizza Scicluna huwa l-fatt li l-poplu qiegħed ma’ Fr. Luke Seguna u mhux wara l-istqarrijiet insensati tiegħu biex jogħġob lil tar-rule of law.
Infatti l-poplu mhux qiegħed iħalli lil Fr. Seguna waħdu. Anki jekk il-maġistrata wriet insensittiva lejn persuna li beda jħossha ħażin fl-awla, għaliex kważi tnejket bih – biex wieħed jara illum min qed jispiċċa ġudikant – in-nies qed taħsibha mod ieħor. Ma hemmx dubju li saru maniġġi biżantini biex dan il-każ jitmexxa kif tmexxa ħalli l-media jkollha xalata x’tgħajjar lil Fr. Luke. Biss jidher li l-affarijiet mhux ser imorru kif wieħed kien qed jaħseb jew jippjana li jmorru.
Dak li hu żgur li għal Fr. Seguna n-nies tkellmet u ħarġet turi x’taħseb fil-beraħ. Jekk ma għamlu xejn Muscat u Cuschieri, xprunaw lin-nies biex jibdew joħorġu u ma jibżgħux juru fhemthom anki fuq il-qorti u l-pulizija.
Dak li hu żgur li n-nies qed tiddejjaq li dan il qassis inżamm arrest il-ħabs fuq money laundering. Dak li offenda lin-nies ma kienx il-fatt li qassis tressaq il-qorti fuq money laundering, imma li ma ngħatax il-liberta’ proviżorja. Hawn il-pulizija ma kellhiex każ li setgħet targumenta li dan seta’ jaħrab minn Malta u għalhekk qatt ma nista’ nifhem għala ma ngħatax il-liberta’ proviżorja. Issa nispera li l-150 xhud li l-prosekuzzjoni qalet li għandha huma verament il-parruċċani – kif argumentat – ta’ Fr. Luke. Jekk le, għandha tintalab ir-reżenja tagħhom.
Huma dawk li raw biss ġid mingħand Fr. Luke Seguna li qed jistaqsu għala l-qorti ddeċidiet li żżommu l-ħabs? B’hekk bi protesta paċifika, kull min kellu xi ritratt tiegħu miegħu tellgħu fuq Facebook. Jekk il-prosekuzzjoni ħasbet li kienet ser twaqqagħlu wiċċu l-art billi titfu l-ħabs u issa tibda teħdu l-qorti bil-manetti, dawritu f’eroj Nazzjonali.
Ara meta kien hemm il-każ tal-eks-manager ta’ The Times, li wkoll tressaq fuq każ simili ta’ money laundering, l-istess qorti ma żammitux il-ħabs! U l-istess għamlet meta kien hemm każ ta’ avukat li jaħdem fil-firm ta’ Franco Debono. Lil dan ma bagħtetux il-ħabs.
Fuq kollox hemm ħafna każijiet oħra ta’ money laundering li ma tressqux il-qorti. U għandi d-dubju kemm Fr. Luke hu verament involut f’money laundering kif qed ikun akkużat.
Dak li hu żgur li din id-darba n-nies qed temmen aktar lil Fr. Seguna – anki jekk ma tkellimx -milli l-prosekuzzjoni. Hemm min ġa qed jitkellem fuq frame-up. In-nies huma l-opinjoni pubblika u hawn Fr. Seguna jidher li qed jirbaħ anki jekk l-egħdewwa tiegħu ħadmu biex iżommuh il-ħabs ħalli żgur ma jkollux kuntatt u ma jkunx jista’ jitkellem, waqt li jumiljawh ħalli jfarrkuh psikoloġikament.
B’hekk wasal iż-żmien li l-poplu jibda’ jistaqsi min hemm wara l-arrest ta’ Fr. Luke Seguna? Dan jaqbillu issa joqgħod attent. Ibqgħu żguri li xi daqxejn salvaomor ser issib mingħand il-ġurnalisti “woke” ta’ The Times u l-media liberali, nkluża dik tal-Knisja.
Ma jistax ikun li nibqgħu għaddejjin b’din il-pantomina fejn il-pulizija qed tressaq in-nies il-qorti waqt li tgħid li għadha qed tinvestiga. Meta tressaq il-pulizija trid tkun għalqet l-investigazzjonijiet.
Qed ngħid dan għaliex ser x’jiġri jekk wara li tkompli tinvestiga ssib li ma kien hemm xejn ħażin? Min ser issa jirranga l-ħsara kbira li ġa soffra Fr. Luke Seguna? Il-pulizija għandha jew ma għandhiex każ? Jekk għandha każ tkompli. Jekk ma għandhiex aħjar tieqaf issa għaliex il-konsegwenzi ser ikun kbar f’dan il-każ.
Fuq kollox dawk ix-Xlukkajir jitolbu għal Fr. Seguna bagħtu messaġġ ċar lill-awtoritajiet tal-Gvern. Huma qed jgħidulu li qed jitilfu l-fiduċja fil-pulizija u fil-ġustizzja f’dan il-pajjiż.
Il-pajjiż ma għadux fil-greylist uffiċċjali iżda pajjiż ma jikkonvinċix lin-nies li l-istituzzjoni qed jaħdmu billi jinnega persuna per bene milli tingħata l-liberta’ proviżorja u tittrattah agħar mill-agħar kriminal biex turi lill-Ewropej li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu. Meta jiġri hekk, il-pajjiż stess ser jispiċċa fil-grey list tal-poplu tiegħu stess.
Fr. Seguna ma għadux waħdu. Dak li Muscat beda għal Frederick Azzpoardi kiber u jekk xejn ta’ kuraġġ biex in-nies tibda titkellem. It-tajjeb li għamel f’ħajtu Fr. Seguna jidher li ġa qed ikun appreżżat min-nies li ħabb u li għadhom iħobbuh.
Dan huwa l-kobor tal-Knisja f’Malta, l-imħabba tan-nies lejn dawk il-qassisin tagħha li kif qal tant tajjeb il-Papa Franġisku ma jiddejqux iġorru fuqhom ir-riħa tinten tal-nagħag u l-giddien.
Simon, jekk joghgbok, hu pacenzja u l-attivita’ talbierah thallatha ma’ ebda generu ta’ politika jew attakk fuq xi hadd. Ahna Xlukkajri, ir-Ruzarju sinonimu maghna. Ta’ nsara li nghidu li ahna, tlabna ghal sahhet il-Kappillan, ghal familtu u hafna hafna ghall-parrocca taghna li tinsab mifnija u qalbha maqsuma b’dan kollu li qed jigri madwarna. Kienet attivita’ purament li gabet lill-parruccani jitolbu flimkien u li nixtiequ nergghu naghmluha.
Nieħu gost nisma li ser tagħmlu attivita’ oħra u bħala residenti ġo Marsaxlokk – fuq kollox din il-velja saret fit-triq fejn noqgħod – ibqa’ żgur li ser nerġa’ nagħtiha prominenza u nikkummenta dwarha. Tislijiet.