L-isfidi ta’ Alex Perici Calascione

Minn osservatur politiku

Il-Partit Nazzjonalista għadu kif ivvota biex ikollu Viċi Kap ġdid f’tellieqa fejn kandidat wieħed tefa’ n-nomina tiegħu. Tal-iskantament li dan l-istess kandidat mhux deputat u allura fil-parlament ser ikun hemm in-nuqqas ta’ Viċi Kap tal-Oppożizzjoni. Dan minnu innifsu ma jagħtix dik it-trankwillita fl-arena fejn id-deputati jagħtuna l-argumenti tagħhom u fejn huwa mwettaq il-biċċa l-kbira tax-xogħol tad-deputati. Imma aktar minn hekk, kważi kważi, wara l-ewforija tar-rebħa, ftit qed jissemma’.

F’dan il-kuntest, wieħed irid jara x’ser ikun is-sehem ta’ Perici Calascione fil-Partit Nazzjonalista nnifsu. Ser ikun kapaċi jiġġenera lill-partit xi ħaġa li Bernard Grech ma rnexxilux jagħmel? Ser ikollu l-ħila li jirranġa dak li għaddej bħalissa meta nafu li Bernard Grech naqas milli jagħmel dan? Hemm sfida qawwija għal Perici Calascione. Biss għandu possibilita’ li juri x’isarraf għax għandu fejn jaħdem u nittamaw li għall-ġid tal-pajjiż jirnexxielu.

L-ewwel sfida li Perici Calascione għandu li jbiddel il-poliitka tal-le li qed jutilizza Bernard Grech fit-tmexxija tiegħu. Irid jipprova jbiddel din il-mentalita’ li kull ma jagħmel il-Gvern huwa kollox ħażin.

It-tieni. Wieħed jistenna wkoll li bħala Viċi-Kap iwaqqaf l-arroganza li ħakmet lill-Partit Nazzjonalista. Din l-arroganza qed narawha ħierġa minn fomm diversi deputati Nazzjonalista. Sfortunatament din l-arroganza mhux qed tkun prattikata mid-deputati meqjusa antiki, imma qed tiffjorixxi anke f’deputati li għadhom kif żanżnu l-pultruna tal-parlament. Din l-arroganza kienet qed tkun riflessa fid-diskorsi ta’ wħud waqt id-dibattiti parlamentari.

It-tielet. Perici Calascione ser ikun qed jissejjaħ biex jgħaqqad il-Partit. La ma rnexxielux Bernard Grech, is-sostenituri qed jistennew lil Dr Perici Calascione biex jattwa dan. Mhux biċċa xogħol faċli għal xi ħadd li għadu jieħu l-pożizzjoni u meta jaf li għandu kap li ma spirax ebda sinjal ta’ għaqda.

Ir-raba’. Irridu naraw jekk Bernard Grech hux ser ikompli jimponi ħsibijietu. Irridu naraw ukoll jekk Perici Calascione hux ser ikollu ċ-ċans jipprova jaqdi d-doveri tiegħu. Diġa’ kellna esperjenza ta’ Bernard Grech. Għal sentejn sħaħ Bernard Grech warrab il-viċi-kapijiet li kellu. Sirna nafu minn Robert Arrigo li Bernard Grech warrbu totalment. Mhux talli hekk talli Dr Grech ħa minn idejn Arrigo l-finanzi tal-Partit. Kulħadd jammetti li jekk Arrigo ma għamel xejn żgur li waqqaf l-emoriġija li kienet għaddejja fil-finanzi. Imma Bernard Grech, għax mingħalih jaf kollox, ħaseb li kapaċi jieħu kollox f’idejh u kif jaf kulħadd għamel vroma.

Il-ħames. Hemm ħafna ntriċċi oħra li Perici Calascione jrid jidħol fihom jekk irid iħalli t-timbru tiegħu fil-Partit Nazzjonalista. Dan il-Partit imsejjaħ glorjuż qatt ma kien f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ apatija u menefregiżmu assolut. Hemm bżonn ta’ impenn qawwi minn xi ħadd li jista’ jasal. Bernard Grech ma wasalx. Tgħid il-Viċi tiegħu ser jirnexxielu? Tgħid Perici Calascione ser ikun kapaċi li jiġġenera l-Partit Nazzjonalista? Tgħid Perici Calascione ser ikun il-persuna li terġa’ tagħti nifs ta’ impenn lill-Partit Nazzjonalista? Tgħid ser ikun kapaċi jagħtih nifs ġdid ta’ dedikazzjoni u lejalta lejh innifsu u lejn il-pajjiż?

Nipprova nwieġeb dawn il-mistoqsijiet f’artiklu ieħor.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *