F-Living jiġi mmulltat mill-Awtorita’ tax-Xandir għaliex wera ritratti tad-deputati Alex Borg u Ivan Bartolo tal-Mosta

Fit-8 ta’ Awwissu 2022, is-Sur Karl Bonaci, Direttur Maniġerjali ta’ F-Living irċieva ittra mingħand l-Awtorita’ tax-Xandir.  Ma kienetx xi ittra biex tifraħlu għat-trasmissjonijiet tiegħu imma kienet ittra fejn inġibdet l-attenzjoni li fi programm imxandar fuq l-istazzjon tiegħu, inkisru żewġ partijiet tal-liġi li tirregola t-trasmissjonijiet televiżivi.

Fuq dan l-istazzjon jixxandar program ‘Propjeta’ minn Wara l-Kwinti’ preżentat mis-Sur Simon Debono. Fit-12 ta’ Lulju s-Sur Debono stieden żewġ deputati Nazzjonalisti għall-programm tiegħu.  Dawn kienu Ivan Bartolo (tal-Mosta) u Alex Borg.  Xtaq jintervisthom biex jifhem iżjed għaliex kienu ivvutaw kontra d-deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq l-emendi tal-IVF.

Peress li l-Partit Nazzjonalista ma tagħhomx permess li jattendu, Simon Debono ddeċida li fuq dan il-programm jibda’ jqiegħed ritratti ta’ dawn iż-żewġ deputati u jibqa’ jurihom sakemm il-Partit Nazzjonalista jiddeċidi li jħalli lil dawn iż-żewġ deputati jattendu fuq il-programm tiegħu u jesprimu l-opinjoni tagħhom

B’hekk fuq dan il-programm ta’ Simon Debono, Debono beda juri diversi drabi r-ritratti ta’ Bartolo u Borg u jispjega li dawn ma kienux ingħataw permess mill-Partit Nazzjonalista biex jipparteċipaw fil-program tiegħu.  Huwa qal dawn il-kelmiet għaż-żewġ deputati: “ġew projbiti mill-Partit Nazzjonalista (PN) milli jiġu hawnhekk u jitkellmu għaliex ivvutaw il-mod kif ivvutaw fuq din il-biċċa xogħol li jridu jiffriżaw l-embrijuni wara li jkunu konċepiti”. U s-Sur Debono żied jgħid li dawk ir-ritratti kienu ser jibqgħu hemm “sa dik il-ġurnata li jingħataw il-permess biex jiġu fuq dan l-istazzjon u jispjegawlna x’ġara”.

Fil-fatt ir-ritratti ta’ Bartolo u Borg intwerew f’diversi programmi ta’ wara dak tat-12 ta’ Lulju.  F’kull wieħed mill-programmi s-Sur Debono semma l-fatt li dawk iż-żewġ deputati ma kienux tħallew jipparteċipaw għall-programm tiegħu.

Issa skond l-Awtorita’ tax-Xandir dan il-kontenut ixxandar bi ksur ta’ parti mil-liġi. Din l-akkuża ġġib magħha piena ta’ €930 għal dak il-ksur ta’ dik il-parti tal-liġi. Tidher ċar li xi ħadd qed tuġgħu żaqqu fil-Partit Nazzjonalista. Infakkar li l-Awtorita’ tax-Xandir hija magħmula minn rappreżentanti taż-żewġ partiti.

Wieħed jistaqsi mela għax dan l-istazzjon wera ritratti ta’ deputati li kienu mistiedna jipparteċipaw fuq programm tagħhom u ma tħallewx mill-istess partit jattendu fuq programm televiziv, u nagħtat spjegazzjoni għaliex ma pparteċipawx, dan l-istazzjon għandu jeħel multa?

Miniex ser nidħol fil-liġi relattiva, imma nixtieq ngħid esperjenza tiegħi personali. Meta kont nagħmel programm fuq it-television li jmexxi Dun Ġwann Farrugia u bdejt inġib persuni jitkellmu dwar il-Covid – u llum dak li qalu kollu sar realta’ u qed jingħataw raġun – l-Awtorita’ tax-Xandir kienet waħħlitu multa lil Dun Ġwann Farrugia għaliex qaltlu li deher riklam għaliex xi ħadd semma xi herbal medicine waqt wieħed minn dawn il-programmi.  Deher ċar li din kienet biss skuża għaliex il-programm sar wieħed popolari. 

Ara dawn ir-regolamenti li qed tuża l-Awtorita’ tax-Xandir biex timmulta stazzjonijiet privati ma jgħoddux għall-istazzjoni taż-żewġ partit politiċi.  Skont Eddie Fenech Adami, l-istazzjonijiet tal-Partiti politiċi ma għandhomx bżonn jaqgħu taħt l-Awtorita’ tax-Xandir għaliex jirregolariżżaw lilhom infushom.  Imma jista’ xi ħadd jgħidli kif fir-riklamar – li dwaru qed twaħħal ukoll il-multi l-Awtorita’ tax-Xandir, dawn  l-istazzjonijiet tal-Partit Politiċi jirregolariżżaw lilhom infushom?

Nixtieq ngħid li t-tieni multa li weħel F-Living kienet dik li tikkonċerna r-riklamar. Dak li jiġri meta programm isir b’saħħtu. Kull xagħra fl-għaġina tinstab biex il-liberali jippruvaw ikissruh.

Jien ma għandix dubju li dan l-istazzjon ġie mmultat minħabba li Simon Debono kixef li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmel boycott lil dawn iż-żewġ deputati għaliex Bernard Grech irid jeqridhom. B’hekk wieħed jistaqsi jekk kienx hemm l-involviment indirett ta’ xi pampalun mill-Partit Nazzjonalista? Ma għandix dubju li ser tiċħad u jistgħu r-rappreżentanti tal-Awtorita’ jaħilfu fuq xkora bibbji għaliex xorta ma nemminhomx.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *