Il-pajjiż jixraqlu Oppożizzjoni magħquda

Minn osservatur politiku

Partit politiku li ilu snin bi ġlied intern ma jistax ikompli jiġi meqjuż bħala partit diviżiv. Ma jistax ikun li partit politiku jibqa’ juri ruħu bħala partit li ma jistax isib dik il-politika li tilqa’ fiha lil kull min lest li jagħti sehemu fil-Partit Nazzjonalista. Ma jistax jitbiegħed iżjed minn dak li kien tant b’saħħtu qabel, dak li kien jippromwovi lilu nnifsu bħala mużajk ta’ ideat.

Hemm bżonn li jinstab dak il-kuraġġ li partit politiku għandu bżonn biex iħaddan lil kulħadd u jara kif ser isib il-kompromessi meħtieġa biex jgħix ma kulħadd. Il-Partit Laburista kellu u għandu l-merti tiegħu għaliex għadu jmexxi minn Kastilja. Fost kollox, il-Partit fil-Gvern wera tassew kemm għandu l-għaqda fis-sistema tiegħu u kemm rajna lill-kandidati kollha fi żmien il-kampanja jiġbdu ħabel wieħed mal-mexxej tagħhom.

Xi ħaġa pożittiva li għandu l-Partit Laburista hija li kien min kien il-mexxej tagħhom dejjem tawh l-appoġġ neċessarju. Għalkemm jista’ jkun li jeżistu dissendenti dawn xorta baqgħu jipprotestaw fil-kwiet ta’ djarhom u ma paxxew lil ħadd li seta’ jtellifhom mill-perċezzjoni ta’ unita’ li tidher li teżisti bejniethom.

Wieħed irid jammetti li l-Partit Nazzjonalista għin biex ikollu dik id-disfatta tal-elezzjoni ġenerali. Dak il-ħafna ġlied intern kellu sehem qawwi biex wera kemm il-Partit Nazzjonalista ma setax ikun fdat bit-tmexxija tal-pajjiż. Il-Blue Heroes jew il-klikka tal-establishment ser jibqgħu mniżżlin fl-istorja għall-ħsara kbira li għamlu u li ma kienux kapaċi jwaqqfu anke sal-ġurnata tal-lum, meta għadna naraw ħafna diviżjoni fil-Partit Nazzjonalista.

Ħalli nagħtu l-krettu lil min ħaqqu. Bernard Grech għandu raġun jgħid li kull meta tiddgħajjef l-Oppożizzjoni jkun qed jiddgħajjef il-pajjiż. Malta għandha bżonn ta’ Oppożizzjoni b’saħħitha biex tkompli tgħasses kif suppost lill-gvern. Hemm bżonn li l-Oppożizzjoni tikxef għawwar il-partit fil-gvern meta dan jiżgarra u jonqos mid-doveri tiegħu. Hemm bżonn ukoll li l-Oppożizzjoni tipprepara ruħha b’tali mod li tkun f’sitwazzjoni soda li lesta tieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejha.

Oppożizzjoni li hija maqsuma, waħda li titlef tant żmien u enerġija biex issolvi l-problemi interni u li ma tispirax fiduċja lill-elettorat biex jafdha fit-tmexxija tal-pajjiż, ma tistax tattira voti. Anżi l-possibilita’ tkun li titlef iżjed voti ta’ nies li qabel kienu jarawha bħala l-partit idoneu fit-tmexxija. Ma nistgħux ninsew li fl-aħħar elezzjoni ż-żewġ partiti naqsu jattiraw ħafna voti. Iż-żewġ partiti tilfu eluf ta’ voti meta 85% biss tal-elettorat ħareg jivvota.

Il-Partit Nazzjonalista ma jidhirx li għadu beda janalizza dan il-fenomenu ġdid ta’ nies li baqgħu l-bogħod milli jivvutaw. Hemm bżonn li ż-żewġ partiti jirrealizzaw li persentaġġ għoli ta’ nies ma għandhomx fiduċja f’ebda partit politiku. Dawk li tbiegħdu mill-Partit Laburista ma tawx il-fiduċja tagħhom lill-Partit Nazzjonalista u dan huwa ta’ tħassib għat-tmexxija f’Tal-Pieta’.

Partit fil-gvern suppost dejjem għandu x’jitlef. Imma kif inhuma l-affarijiet bħalissa, il-partit fl-Oppożizzjoni ma tantx jidher iffukat biex jagħmel xi avvanz. S’issa, mill-elezzjoni ‘l hawn, ħlief deċiżjonijiet ħżiena ma rajniex ħerġin mid-Dar Ċentrali. L-effett tat-telfa enormi li sofra l-Partit Nazzjonalista ma tistax twaqqafha bl-istess tmexxija. Kien hemm bżonn ta’ demm ġdid imma sfortunatament dan ma sarx u jidher li l-affarijiet ma tantx għandhom riħa ta’ bidla.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *