Għandna bżonn Oppożizzjoni affidabbli u mhux oppożizzjoni mmexxija mill-mibgħeda u l-ħdura lejn is-sostenituri tagħha stess

Minn osservatur politiku

F’pajjiż bħal tagħna li niftaħru li aħna pajjiż demokratiku, għandna bżonn Oppożizzjoni parlamentari li titwemmen u li tkun effettiva. Dan hu neċessarju għall-mixja politika fil-pajjiż u biex jintlaħaq dak il-livell politiku neċessarju għall-ġid tal-poplu kollu, kemm Malti kif ukoll Għawdxi. Dan huwa prinċipju sagrosant li jirrenja f’kull pajjiż demokratiku. L-Oppożizzjoni trid tkun affidabbli b’tali mod li tkun lesta biex tmexxi l-Gvern meta tingħata l-fiduċja tal-elettorat. Trid tkun ukoll il-ħin kollu attiva biex tagħmel skrutinju fuq ix-xogħol tal-Gvern tal-ġurnata.

Biss hija sfortuna kbira li f’pajjiżna għandna Oppożizzjoni li tant għandha tfixkil u firdiet fil-ħidma tagħha li bħalissa żgur ma tistax tiġi meqjusa bħala idonea biex tieħu l-Gvern jew tiskrutinja lill-partit fil-Gvern. Bil-fors ikollok tammetti li din is-sitwazzjoni hija riżultat tat-tmexxija ta’ Bernard Grech li mhux jagħraf jgħaqqad il-Partit Nazzjonalista biex jagħmel dak li l-elettorat eleġġih biex jagħmel.

Bit-tmexxija tiegħu, Dr Grech ġab partit ma jintgħarafx. Bl-impożizzjoni tiegħu speċjalment fuq l-emendi tal-IVF, ġab lill-Partit Nazzjonalista qiesu vapur mingħajr kaptan. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu fuq dan is-suġġett sensittiv irrenda lill-Partit Nazzjonalista f’pożizzjoni imbarazzanti u mifxula. Kienet dejjem politika li ssawret maż-żminijiet il-bogħod fil-Partit Nazzjonalista li fuq suġġetti ta’ kuxjenza jingħata free vote. Dan ma sarx minn Bernard Grech u r-riżultat huwa katastrofiku.

Fejn spiċċa l-partit li ġibed lejh tant masses ta’ nies ftit tas-snin ilu? Fejn spiċċa dan il-partit li rajnih jimla l-fosos bis-sostenituri tiegħu? Fejn hu ż-żmien ta’ Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil meta l-elettorat Nazzjonalista kien jirrispondi għal kull għajta li toħroġ mid-Dar Ċentrali? Dawk kienu żminijiet fejn il-kapijiet kienu jiġbdu warajhom il-poplu, mhux bħal-lum li kull ma qed isir hu li nweġġgħu jew inwarrbu lil dak li jkun.

Il-Partit Nazzjonalista tal-lum tant niżel fl-abbissi li qed iwarrab mhux biss sostenituri jew partitarji tiegħu imma qed idur ukoll lejn uffiċjali tiegħu li jkunu ddedikaw ħajjithom għall-partit li tant ħabbew. X’sinjal qed jintbagħat b’din l-attitudni fejn qed issaltan biss diviżjoni mhux aċċettabbli?

B’messaġġ bħal ma ntbagħat lid-deputati biex ma jagħtux kummenti lill-medja wara laqgħa tal-grupp parlamentari kompliet uriet li l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jinħeba mill-poplu. Qed juri li t-tmexxija ma għandiex fiduċja fir-rappreżentanti tagħha u qed tagħmillhom sarima ma’ ħalqhom. Dak sinjal li qed titwarrab il-liberta’ tal-istampa li tant iġġieldu għaliha kapijiet preċedenti tagħna.

Possibbli taħt Dr Grech kollox qed jinbidel basta jimponi lilu nnifsu fuq il-Partit Nazzjonalista? Biex wasal viċi-kap tal-partit stess biex jgħajjar lill-kap tiegħu bħala persuna giddieba, żgur li ma hemmx fejn tasal iżjed.

Dan huwa riżultat ta’ fejn wassal lill-Partit Nazzjonalista Bernard Grech bit-tmexxija tiegħu. Il-pajjiż ma jistax ikun komdu b’Oppożizzjoni li timxi biss fuq kritika negattiva msejsa fuq il-mibegħda u l-gideb. Pajjiżna jixraqlu partit fl-oppożizzjoni li jaqdi dmiru. Hemm bżonn ta’ nies iffukati fuq ix-xogħol tal-gvern ħalli jopponu u joffru soluzzjonijiet kif inhu dmir tagħhom.

Hemm bżonn ta’ Oppożizzjoni li tidħol f’tiġrija mal-partit fil-gvern biex twettaq jew tressaq alternattivi għal dak li jipproponi l-Gvern. Hemm bżonn li l-Oppożizzjoni tidħol f’pika mal-partit fil-gvern biex twettaq l-aħjar politika għall-ġid tal-kwalita’ tal-ħajja għall-Maltin u l-Għawdxin.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *