Kien Arnaud li ddeċida li l-maħfra presidenzjali tingħata lil Melvyn Theuma waqt li l-familja Caruana Galizia qatt ma qalu lill-pulizija li l-laptop bagħtuh il-Ġermanja.
Minn xhieda li ħarġet fil-qorti ftit tal-jiem ilu, imma li qatt ma ġiet irrappurtata fil-media, anki jekk il-każ kien irrappurtat, hija dik li ta x’qal l-ispettur (illum Supretendent) Keith Arnaud dwar il-maħfra presidenzjali li ngħatat lil Melvyn Theuma fir-rigward tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Din ix-xhieda ngħatat waqt il-kawża li l-familja ta’ Caruana Galizia fetħu kontra Yorgen Fenech. Meta s-Supretendent Arnaud ġie mistoqsi dwar min iddeċieda li għandha tingħata maħfra presidenzjali u dwar lil min kellha tingħata din il-maħfra, jiġifieri jekk din kellhiex tingħata lil Yorgen Fenech jew lil Melvyn Theuma, Arnaud wieġeb li kien hu li ddeċieda li għandħa tingħata l-maħfra presidenzjali lil Melvyn Theuma u mhux lil Yorgen Fenech. Biex inkun preċiż, Arnaud tkellem bil-pluralis majestatis (the royal we) ta’ aħna.
Hawn ser inġib kelma b’kelma dak li kien qal Keith Arnaud fil-qorti taħt ġurament. Din ix-xhieda ingħatat f’din il-kawża ċivili u li nstemgħet fit-23 ta’ Mejju 2022.
Arnaud qal hekk:
“aħna sibna li Melvyn Theuma kien jaf ħafna u seta’ kien involut fil-każ. Irriżultalna illi seta’ kien Melvyn Theuma il-kuntatt bejn Yorgen Fenech u l-aħwa Degiorgio u Vincent Muscat“.
Ġa għandna l-ewwel problema f’din ix-xhieda. Yorgen Fenech ma’ għadux il-bniedem li kien qabbad lil Melvyn Theuma biex dan iqabbad lil l-aħwa Degiorgio u lil Vincent Muscat biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia. Issa s-Supretendent Arnaud qed juża l-conditional u qed jgħid li seta’ kien Yorgen Fenech. Hawn għandna persuna li qed tkun miċħuda l-liberta’ proviżorja u issa l-pulizija mhix ċerta jekk kienx hu jew le li qabbadhom imma seta’ kien hu.
Huwa jew mhux Yorgen Fenech il-kuntatt? Fuq kollox issa wieħed mid-Degiorgijiet tkellem ma’ ġurnalist barrani u fl-intervista li tah ħarġu l-istess affarijiet li Yorgen Fenech kien qal lill-pulizija u lil Arnaud. Imma dak li hu l-aktar importanti huwa li Alfred Degiorgio lil Yorgen Fenech ma semmiehx bħala wieħed mill-assassini jew mandanti tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Minn din ix-xhieda joħroġ dettall ieħor. Arnaud jgħid li
“konna sirna nafu illi Yorgen Fenech kien ser jitlaq minn Malta bid-dgħajsa“.
Mela ma kien hemm l-ebda ħarba, għax jekk kienu jafu li ser joħroġ bid-dgħajsa għaliex ma arrestawhx qabel? Imma le. B’kumbinazzjoni riedu jagħmlu show. Infakkar li meta Yorgen Fenech kien ħiereġ b’dak il-famuż yacht fil-ħamsa ta’ filgħodu, b’kumbinazzjoni jinzerta Jacob Borg, il-ġurnalista ta’ The Times fuq il-post u tagħhielna in diretta. Issa anki hawn Arnaud qed igiddeb lil The Times għaliex wera ċar li mhux vera Borg kien b’kumbinazzjoni fuq il-post imma kienu jafu eżatt x’ħin kien ħiereġ Yorgen Fenech. Mela ma kienet ħarba xejn. Infakkar li Fenech kien ħiereġ qabel biex jieħu l-yacht għat-tiswija Sqallija imma nżamm fuq it-telefon għax ċempillu Keith Schembri.
Arnaud jkompli jgħid li anki Yorgen Fenech talab għal proklama. Imbagħad ikompli jgħid li
“il-pulizija kienet irrakkomandat illi jingħata l-maħfra Melvyn Theuma“.
Inkun qed ngħid sew li meta s-Supretendent Arnaud qed jgħid il-pulizija rrakkomandat il-maħfra, jkun qed ifisser li huwa hu?
Meta mistoqsi mill-avukata tad-difiża ta’ Yorgen Fenech, jiġifieri Anna Mallia, dwar din il-maħfra, Arnaud wieġeb hekk:
“wara li sar l-eżami taż-żewġ verżjonijiet (jiġifieri l-verżjoni ta’ Yorgen Fenech u dik ta’ Melvyn Theuma) AĦNA irrikomandajna l-maħfra tingħata lil Melvyn Theuma“.
Mela Arnaud kien parti minn din id-deċiżjoni.
“Li beda jgħid Yorgen Fenech kien illi l-Ministru Cardona kien qallu li għamilha hu”.
Arnaud kompla jgħid li dak li qallu Melvyn Theuma kien kollu kkollaborat. Biss ser ikollu problema kbira issa għaliex sadanittant, l-aħwa Degiorgio ġa mplikaw ministru fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-mistoqsija tiġi waħedha. Huma kienu qed jirreferu għal Chris Cardona?
Imma l-inkonsistenza fl-investigazzjoni ta’ dan id-delitt tkompli toħroġ mill-istess xhieda ta’ Arnaud. Arnaud jgħid li l-uniku prova li hemm li Yorgen Fenech huwa involut f’dan id-delitt huwa Melvyn Theuma. U jekk Melvyn Thuema jinqabad li qed jigdeb x’ser jiġri? Ftit tal-jiem ilu kien fil-qorti biex jixhed fuq l-każ ta’ Mario De Giorgio, hu l-aħwa De Giorgio li qegħdin il-ħabs minħabba l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ix-xhieda li ta’ Theuma terġa’ tqajjem ħafna mistoqsijiet li juru li Yorgen Fenech mhux veru l-mostru kif ipprova jiddeskrivih Melvyn Thuema. Infakkar li Melvyn Theuma ġa nqabad jigdeb il-qorti u l-maġistrata Montebello kellha anki tiġbidlu l-attenzjoni.
Ara x’qal Arnaud f’din il-kawża li fetħu l-familja Caruana Galizia, jiġifieri li l-unika prova – jekk trid issejħilha hekk li Yorgen Fenech huwa involut – hija dik ta’ Melvyn Theuma:
Meta kellimna dwarha lil Melvyn Theuma qalilna li hu kien dejjem jibża li Yorgen Fenech jeliminah għax hu kien l-unika prova kontra Yorgen Fenech“
Biss jekk kien hemm xi ħadd li ried jelimina lil Melvyn Thuema ma kienx Fenech innifsu. Jekk wieħed irid jemmen il-verżjoni li ta’ Melvyn Theuma innifsu dwar l-famuż attentat ta’ suwiċidju, huwa Melvyn Theuma l-ikbar għadu ta’ Melyvn Theuma! Kieku kien hemm l-id ta’ Yorgen Fenech, żgur li Thuema ma kienx ikollu problema biex jgħid li pprova joqtlu.
Imma l-kbir qiegħed hawn. Taħt ġurament Arnaud jgħid li
“Aħna sirna nafu mill-media li l-laptop qiegħed il-Ġermanja. Meta konna għamilna l-laqgħa mal-familja Caruana Galizia, naħseb illi kienet diga’ ħarġet fil-media. Jiena lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia ma tlabthomx il-laptop“.
Fi kliem ieħor, l-investigatur prim ma kienx kapaċi jsib il-mobile ta’ Keith Schembri u l-anqas jitlob jew jiġbor il-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia. Għaliex? L-anqas biss kien jaf fejn qiegħed u l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia ħbewh mill-pulizija. U mbierek Alla, il-pulizija jew aħjar is-supretendent Arnaud l-anqas biss indenja jiġbru.
Imbagħad fl-inkjesta qatt ma ntalab biex jinġib il-laptop u l-maġistrat, li ma talabx biex jinstab jew jinġib il-laptop mill-Ġermanja, kien promoss għall-imħallef! B’hekk evidenza li kienet ser teħles lil Yorgen Fenech mill-att tal-akkuża intilfet għaliex il-laptop ġiet meqruda, waqt li l-qrati bdew jiċħdu li jagħtu lil Yorgen Fenech illiberta proviżorja għaliex jista’ jkun hemm diżordni fit-toroq. Id-disordni fit-toroq iseħħ jekk il-poplu Malti jkun jaf fih il-laptop!
Mela dan hu każ li ser jorbot kollu fuq Melvyn Theuma li ġa inqabad matul il-kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech li mhux qed jgħid is-sewwa. Dan kien bniedem li jisloħ lin-nies bl-użura u talli qed jixhed kif qed jixhed, il-flus li qala’ bl-użura minn fuq dawn il-povri nies ġew riċiklati mill-istat ħalli jkun jista’ jgawdihom.
Ara fuq dawn il-punti, il-media tal-liberali, tal-onesti u tal-Knisja Kattolika ma tgħid xejn. X’jimpurtahom li kien hemm ħafna nies li spiċċaw vittmi ta’ Melvyn Theuma. Daqt joħroġ xi qassis u jpinġih fuq xi lunetta tal-knisja!
Jien ghalija l kaz dcg gie solvut mill FBI u ma kien hemm bzonn l ebda proklama. Fittex fuq kull qtil bhal Kennedy’s, il Papa etc u issib li dejjem zammew responsabbli u wehlu l killers… u dejjem zammew li fuq il mandanti hlief soap operas ma tismax…smajna li wehel businessman.