Iż-żieda fil-prezzijiet
Minn osservatur politku
Għaddejjin minn żmien fejn kulħadd qed iħoss iż-żieda fil-prezzijiet. Din iż-żieda qed tinħass f’kull settur u mhux biss hija riflessa fuq prodotti li ġejjien miż-żona tal-gwerra. L-għoli tal-ħajja qed jaffetwa prodotti tal-ikel, materja prima, prezzijiet tas-servizzi u setturi oħra. Nistgħu nikkonkludu li ma hawnx settur li ma ntlaqgħatx. Dawn iż-żidiet qed jaffettwaw lil kulħadd u qed iħallu impatt ikrah u negattiv fuq persuni bi dħul baxx u anke l-anzjani.
Il-medja mhix nieqsa minn kritika u lmenti li ġejjien mill-konsumaturi. Hawn ħafna qed jagħmlu jqabblu l-prezzijiet ta’ ħwienet diversi biex jaraw minn fejn jistgħu jixtru l-orħos. Dan juri li l-but qed jinqaras u ħafna qed ifittxu fejn jistgħu jiffrankaw xi ħaġa tal-flus. Dan jistgħu jagħmluh għax f’pajjiżna hawn is-suq ħieles allura ma hemmx impożizzjoni ta’ prezzijiet. Huwa tajjeb li l-konsumatur jagħmel ir-riċerka tiegħu u jixtri minn fejn jaqbillu. B’hekk ikun qed isir xi ħaġa fuq l-għoli tal-ħajja u jkun qed jintbagħat messaġġ lil dak il-ħanut li jkun sploda l-prezzijiet tiegħu. Bla ma jrid is-sid tal-ħanut ikollu jara x’jagħmel meta jonqos il-bejgħ u dak il-messaġġ ikun qed iwasslu l-konsumatur innifsu.
Hija l-għaqda tal-konsumaturi li forsi trid tagħti ftit għajnuna lill-konsumaturi. Dan għaliex lanqas hu sewwa li l-konsumatur irid joqgħod idur minn ħanut għall-ieħor biex iqabbel il-prezzijiet. Dan ma jistax isir minħabba l-iskariġġ fi sħana bħal ma qed insoffru bħalissa u lanqas minħabba kwistjonijiet ta’ saħħa. Għalhekk l-għaqda qed tissuġġerixxi li l-prezzijiet ikunu mxanndra minn żmien għal żmien għall-informazzjoni tal-konsumaturi.
Kull awtorita’ trid iżżomm f’moħħha li l-għoli tal-ħajja ser ikollu effett fuq il-kwalita’ tal-ħajja li bla dubju ser jaffettwa fin-negattiv. Dan jista jirrifletti wkoll fuq dħul li tant għandu bżonn il-Gvern għax jekk tonqos id-domanda domestika taffetwa lilu wkoll. Kulħadd jistenna li jkun hemm azzjonjiet fuq dan il-fenominu li qed jolqot lill-pajjiżna bħalma qed jintlaqat kull pajjiż ieħor. Biss il-konsumatur Malti tiegħu jħoss u allura kulħadd jistenna xi tip ta’ azzjoni biex jitnaqqas l-effett negattiv fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin Maltin u Għawdxin.