Kemm ser inkomplu nisimgħu li l-kap tal-Oppożizzjoni ma jgħidx is-sewwa!
Minn osservatur politiku
Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser. Kemm-il darba ser nisimgħu li l-Kap tal-Oppożizzjoni jħobb jonqos milli juża l-verita’? Ġie allegat kemm-il darba li jew jgħid nofs verita’ jew addirettura jgħid il-gideb.
Robert Arrigo fl-aħħar tana l-prova neċessarja biex inkunu nistgħu nemmnu dawk id-diċeriji kollha li kienu qed jingħadu s’issa. Sirna nafu li Bernard Grech gideb meta mar jirrispondi l-mistoqsijiet fuq programm televiżiv. Sirna nafu li l-amministrattiv kien jaf b’ċertu affarijiet. Mela la Bernard Grech hu parti mill-amministrattiv kien jafhom ukoll u mar fuq it-televiżjoni u, bl-iskantament ta’ nies oħra fl-amministrattiv, ma qalx is-sewwa.
Tgħid dik kienet l-unika darba li Bernard Grech gideb? Tgħid dik hija l-unika darba li uża dan it-tidwir tad-diskors biex ma jgħidx il-verita? Aħna li nsegwu l-politika kif ser inkunu nafu meta gideb il-kap tal-Oppożizzjoni? Kif jista’ jkun li ser ikollna nibdew niddubitu kull kelma li qal u li ser ikompli jgħid ‘l quddiem? Tgħid qal il-verita’ meta qal li hu jaqbel mal-emendi tal-IVF meta nafu li xi ġranet qabel kien qal bil-maqlub? Liema hi l-verżjoni t-tajba? Dik li qal fil-bidu tad-diskussjonijiet jew fl-aħħar meta qabel mal-Gvern kważi f’kollox?
Eżempju ieħor kien fuq il-cannabis. Liema kienet il-verżjoni t-tajba? Dik ta’ meta qal li t-tifel tiegħu jaqbel mal-liġi u allura hu ried li l-grupp parlamentari jkun favur jew dik ta’ wara li saru d-diskussjonijiet fil-grupp parlamentari u kellu jitkellem kontra?
Kap jew mexxej ta’ partit politiku jrid ikun konsistenti fil-kliem tiegħu. Ma jistax ikun li barra li jkollok kap ta’ partit li jbiddel il-verżjoni kif u meta jaqbillu, jkollok kap li juża l-gideb biex jgħaddi l-messaġġi tiegħu u bil-wiċċ tost kollu joħroġ stqarrija biex igiddeb x’qal Robert Arrigo.
Ser tkun diffiċli li tisma’ lil Bernard Grech u ma jidħollokx id-dubju jekk hux qed jgħid is-sewwa jew le. Issa ser ikollna nieħdu kull kelma li jgħid ‘with a pinch of salt’. U dan m’hu tort ta’ ħadd ħlief tiegħu li mid-dehra ilu għaddej b’din il-mantra ta’ nofs veritajiet. Fil-politika dejjem ikun hemm dak id-dubju jekk hux qed jintuża l-argument għall-konvinzjoni jew għall-konvenjenza.
Mela wieħed jistenna li nies prominenti fil-politika jagħmlu ħilithom biex ikunu konsistenti fi kliemhom u dejjem jitkellmu b’intenzjoni veritiera. Issa jekk kap ta’ partit politiku jiġi pruvat li kien hemm okkażżjoni fejn gideb, allura jkun kollu tort tiegħu li mhux ser jibqa’ jiġi emmnut.