Waqt il-laqgħa tal-grupp parlamentari tal-bieraħ, Bernard Grech iddefenda l-azzjonijiet ta’ Mario De Giorgio u Emvin Bartolo u qal li l-viċi-kapijiet qatt ma telgħu fuq il-palk.

Kif ħabbar dan is-sit, il-laqgħa tal-bieraħ tal-grupp parlamentari kienet dwar dak li qal Robert Arrigo fl-aħħar diskors tiegħu bħala viċi-kap tal-Partit Nazzjonalista. Fost l-oħrajn, Robert Arrigo qal kif ċertu Mario Degiorgio ma ħalliehx jitla’ fit-tieni sular tal-każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħaż-Żabbar waqt li Emvin Bartolo ma ħalliehx jitla’ fuq l-palk waqt mass meeting f’Tas-Sliema.

Minflok talab skuża, Bernard Grech, qal li dawn kienu azzjonijiet leġittimi għaliex, il-viċi-kapijiet qatt ma telgħu fuq il-palk fi żmien ta’ kampanja elettorali. Li ma qalx kien li l-viċi-kapijiet Nazzjonalisti kienu jitilgħu fuq il-palk waqt il-mass meetings u kampanji elettorali ta’ snin l-imgħoddija.

Fil-mass meeting, dejjem skont Bernard Grech, jitla’ l-kap biss. Jista’ jkun li din in-narrattiva, Bernard Grech bellagħha lil dawk ġodda, imma żgur ma jistax jbellagħha lil dawk anzjani. Naħseb li kieku Bernard Grech staqsa lil viċi-kapijiet ta’ qabel x’kien jiġri, kienu jgħidulu.

Waqt li fi żmien Eddie Fenech Adami u anki fi żmien Lawrence Gonzi, il-viċi-kap kien ikun preżenti fuq il-palk, din baqgħet issir anki fi żmien Simon Busuttil, meta minn viċi-kap wieħed, għamel tnejn.

Hawn ser inġib ritratt ta’ mass meeting indirizzat minn Simon Busuttil waqt l-elezzjoni tal-2017 u fih wieħed jista’ jara lil Beppe Fenech Adami u lil Mario Demarco, iż-żewġ viċi-kapijiet ta’ dak iż-żmien, fuq il-palk. Anki Karol Aquilina kien ikun fuq il-palk. Ma nafx kif Karol ma kkoreġihx lil Bernard Grech waqt li kien qed iġib dawn l-argumenti fażulli biex jiġġustifika l-ħdura u l-ingratitudni tiegħu lejn Robert Arrigo.

Minħabba dan il-fatt, jiġifieri li l-viċi-kapijiet ma kienux qed jitħallew jitilgħu fuq il-palk, David Agius kien ta’ spiss igerger dwar dan il-fatt ma’ ta’ madwaru.

Dan ir-ritratt jitkellem waħdu. Dan hu ritratt li juri mass meeting ta’ Simon Busuttil. Warajh jidhru fost l-oħrajn Beppe Fenech Adami u anki Mario Demarco.

Qed inġib dettall minn dak ir-ritratt li fih jidher Beppe Fenech Adami fuq il-palk waqt il-kampanja elettorali tal-PN tal-2017. Warajh jidher Karol Aquilina.

U dan close-up ieħor mill-istess ritratt fejn jidher Mario Demarco fuq il-palk waqt dan il-mass meeting tal-2017 indirizzat minn Simon Busuttil.

PS. Fuq kollox, kif kitibli xi ħadd wara li qara dan l-artiklu, li anki fil-meeting tal-kampanja elettorali ta’ din is-sena, il-viċi-kapijiet kienu fil-bidu fuq il-palk, għaliex fil-mass rally taż-Żurrieq, ra li Robert Arrigo kien fuq il-palk.

Mela, f’dak ta’ Tas-Sliema Emvin Bartolo warrbu għaliex dak hu d-distrett ta’ Arrigo. Imbagħad dan Emvin Bartolo, bħal ħuh, jipprietka inklużjoni tal-gays, (u sew jagħmel) imma ma jiddejjaqx jeskludi lil xi ħadd bħal Robert Arrigo.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *