Michael Zammit Maempel ta’ Repubblika jibgħat lil Alex Perici Calascione jixxejjer dwar dak li qal fuq kif ivvota l-grupp parlamentari fuq l-IVF
Who.The.Fuck.Cares?” Dan kellu xi jgħid Zemploid fuq twitter għal kliem ta’ Alex Perici Calascione mat-Times of Malta. Min hu dan Zemploid? Dan huwa l-avukat Michael Zammit Maempel, it-tifel ta’ Joseph Zammit Maempel li jiġi ħu l-mara ta’ Austin Gatt. Dan huwa wieħed mill-ikbar attivisti ta’ Repubblika.
Waqt intervista qasira li kellu Perici Calascione mat-Times of Malta, huwa qal li l-membri tal-parlament li vvutaw kontra l-emendi tal-IVF ma għamlux dan b’xi ribeljoni. Għalkemm qal li hu kien jivvota favur l-emendi li tressqu fuq il-liġi tal-IVF, biss huwa sostna li ma jħossx li dawk id-deputati li vvutaw kontra għamlu dan biex jirribellaw kontra il-Partit Nazzjonalista.
Huwa enfasizza li ma jfissirx li min ivvota kontra, li kienu Adrian Delia, Ivan Bartolo (Mosta) u Alex Borg, għamlu dan biex jirribellaw jew biex joħolqu xi vendikazzjoni lill-Partit Nazzjonalista. Perici Calascione kompla jgħid li huma għamlu hekk għax ħassew li għandhom jagħmlu hekk skond il-kuxjenza tagħhom.
Imma jidher ċar kristal li l-kliem ta’ Perici Calascione ma niżilx tajjeb mal-attivisti ta’ Repubblika. Għandna eżempju ċar minn Michael Zammit Maempel li qal ‘who the fuck cares’. Jiġifieri qed jgħid lil Perici Calascione li huma ma jinteresshom xejn kif u għaliex ivvutaw b’dak il-mod dawn it-tliet deputati Nazzjonalisti.
Dan huwa kumment li jekk jindikalek kollox żgur ma jurikx li dawn in-nies iridu xi tip ta’ għaqda fil-Partit Nazzjonalista. Repubblika et al qed jibgħatu messaġġ permezz ta’ sostenitur prinċipali tagħhom, li ma jridux jafu x’jagħmlu dawk li dejjem urew li ma jaqblux ma’ dak kollu li tgħid l-għaqda Repubblika. Forsi jonqoshom jgħidu li huma ma jridux li jkollhom x’jaqsmu ma’ dawk li juru li għandhom ħsieb konservattiv.
Repubblika permezz tal-klikka tagħhom iridu jibqgħu jiddettaw l-aġenda politika tal-Partit Nazzjonalista u ma ħadu pjaċir xejn li sabu tlieta jew erba’ deputati li ma ġibdux il-ħabel magħhom. Jekk il-Partit Nazzjonalista mhux ser jinqata’ għal kollox minn dawn in-nies li jridu jiddettaw l-aġenda politika, ser idum ħafna biex jieħu r-ruħ. Kienu huma li kissru partit tul is-snin u jekk mhux ser ikun hemm viżjoni ċara li l-Partit Nazzjonalista ma għandu bżonn lil ħadd min jiddettalu, ser ikun diffiċli biex dan il-Partit iqum fuq saqajh.

Arroganti. Ghandu l’min jixbah. Lil zijuh Austin Gatt. Dawn jahsbu li l arroganza hi virtu.