Li tiżra taħsad
Minn: Osservatur
Ivan Bartolo tal-Mosta ma setax ikun aktar ċar. Ftit tal-jiem ilu kiteb fuq Newsbook kif il-PN ta’ Bernard Grech warrab il-prinċipji tiegħu. Qal kif hu spiċċa attakkat minn ta’ ġewwa stess għax fuq il-kwestjoni tal-IVF mexa mal-prinċipji tiegħu u mal-prinċipji li suppost iħaddan il-PN. Bartolo ma qadtx idur mal-lewża. Kien ċar u kategoriku.
L-istess għamel l-eks-kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Adrian Delia, kif ukoll id-deputat Għawdxi Dr Alex Borg. Dr Carm Mifsud Bonnici għamel l-istess meta ddikjara li kieku kien fil-Parlament meta ttieħed il-vot kien jivvota kontra. Jerome Caruana Cilia, anki jekk internament man-nies tkellem li kien kontra, ma marx il-Parlament biex la jfuħ u lanqas jinten. Tipiku ta’ dan id-deputat ġdid. Sieq ‘l hemm u sieq ‘l hawn. Dejjem hekk kien. Naqra, naqra, u meta nitkellmu aktar dwar dan id-deputat, il-maskra se taqalgħu għal kollox. Imma dwar Jerome aktar ‘il quddiem.
Kull min huwa midħla tal-Partit Nazzjonalista jaf li Bartolo tal-Mosta ġie mogħti l-ġenb minn Bernard Grech. Jarawh ikrah u jwarrbuh, għax raġel ta’ prinċipju. Dan il-mod kif jaħdem Bernard Grech. Jimxi bil-grazzja. Minħabba f’hekk hemm ruxmata deputati li kissruha minn miegħu u llum iħossuhom imwarrbin għal kollox mill-PN. Din hija l-kawża ta’ hekk qed jinħela ħafna talent.
Ivan Bartolo kien attiv fil-Labour imma kien hu li għażel il-PN. Ta’ saħħtu u qalbu fil-PN. Magħruf għal kemm jgħin nies fil-bżonn – irrelvanti mill-kulur politiku tagħhom. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-magna tal-PN ħadmet kemm felħet biex minflok Bartolo jitla’ l-avukat Joseph Grech, President tal-MZPN u ħaġa waħda ma’ Bernard Grech. Imma baqa’ l-art.
Imbuttaw ukoll, kemm felħu lil Rebekah Cilia, li kemm ilha fil-Parlament lanqas tinħass. Ivan Bartolo tela’ xorta waħda imma l-PN remieh. Illum Bernard Grech għandu kriżi. Deputati bħal Mario de Marco, Chris Said u Carm Mifsud Bonnici li qabel kienu preżenti u jaħdmu ħafna llum ngħataw il-ġenb. Ivan Bartolo baqa’ jaħdem u din donnha ma niżlet xejn tajjeb mat-tmexxija tal-PN u donnhom qed jagħmlu li jistgħu biex jaqtagħlu saqajh ukoll.
Din hija s-sitwazzjoni preżenti fil-PN. Minflok jieħdu ħsieb lin-nies tagħhom jiġġieldu magħhom u jaraw kif se jiksiruhom. X’ma jkollhomx surveys diżastruzi! Għax fil-politika, bħal fil-ħajja, li tiżra’ taħsad.