L-ipokrezija politika ta’ Carmel Cacopardo u Bernard Grech fir-rigward tal-President George Vella
Carmel Cacopordo u Bernard Grech talbu l-impeachment tal-President tar-Repubblika, George Vella minħabba li l-liġi tal-IVF ma ffirmahiex. Magħhom ingħaqdet il-media bl-Ingliż. Illum nafu li ġiet iffirmata mill-aġent President tar-Repubblika. Il-punt li fuqu talbu jew qed jitolbu l-impeachment mhux dak li l-President tar-Repubblika ma ffirmahiex, imma għaliex din ħadet tliet ġimgħat biex ġiet iffirmata, jiġifieri sakemm il-president kellu l-ewwel safra u b’hekk iffirmaha ħaddieħor. Mela skont artiklu li kiteb Carmel Cacopardo, ladarba l-president dam tliet ġimgħat biex iffirmaha, dan kiser il-kostituzzjoni għaliex din kellha tkun iffirmata mill-ewwel. Miegħu ngħaqad Bernard Grech li qed jitlob ukoll li l-President ikun impeached fuq dan il-fatt.
Imma dak li Carmel Cacopardo u Bernard Grech qed jinsew huwa li dan mhux l-ewwel każ fejn kellna liġi kontroversjali u l-president ma ffirmahiex. Minflok din tħalliet biex tkun iffirmata minn ħaddieħor. Tiftakruha l-liġi taż-żwieġ ċivili bejn persuni ta’ l-istess sess? Din għaddiet mill-parlament fi żmien il-president George Abela u Abela qatt ma ffirmaha.
Imma Joseph Muscat, għax politikju għaqli, ħalla din il-liġi għall-aħħar tal-presidenza ta’ George Abela biex ma jumiljahx. Joseph Mucat kien jaf li George Abela kien kontra tagħha. X’ġara dak in-nhar? Il-presidenza damet ħamest ġimgħat u mhux tlieta biex din il-liġi ġiet iffirmata. Imma dak in-nhar ħadd ma talab għar-reżenja ta’ George Abela u l-anqas intalab li jkun impeached mill-Alternattiva Demokratika li Carmel Cacopardo kien attiv ħafna tagħha. Lanqas il-ġurnali bl-Ingliż ma talbu għat-tkeċċija tiegħu. Il-President tar-Repubblika tħalla jispiċċa t-terminu naturali tiegħu mingħajr kontroversja ta’ xejn. U wara kienet saret president Marie-Louise Coleiro Preca u jekk ma niżballjax kienet l-ewwel liġi li ffirmat Coleiro Preca fil-presidenza tagħha.
Issa tifhmu għala qed nikkritika lil Bernard Grech li hu tuba politikament. Minflok rikeb fuq dan is-sentiment ta diżgwid u nuqqas ta’ strateġija fil-Partit Laburista, spiċċa jattakka lil President George Vella. Imma meta missier il-prim ministru attwali kien president, il-predeċessur ta’ Bernard Grech, jiġifieri Simon Busuttil, ma talabx għall-impeachment ta’ George Abela talli ma ffirmax il-liġi taż-żwieġ ċivili bejn kopji tal-istess sess. Anzi ħallieh jispiċċa l-presidenza bil-kwiet. Finalment George Abela kien għażla ta’ Lawrence Gonzi.
Ma hemmx dubju li wara din l-istorja u l-mod kif ħadimha Robert Abela, jiġifieri li ma stenniehx il-presidenza ta’ George Vella biex tispiċċa qabel ma għadda dawn l-emendi kien hemm pjan politiku strateġiku maħsub biex jumilja lil George Vella. Minflok, l-Oppożizzjoni kixfet dan il-pjan, u vvutat kontra dawn l-emendi, spiċċat tagħti forċina li l-gvern. Issa minflok Bernard Grech qagħad b’ħalqu magħluq, spiċċa jparla fil-vojt u jitlob impeachment ta’ George Vella u miegħu ngħaqqdu l-gazzetti bl-Ingliż, li kull ma rnexxilhom jagħmlu huwa li jiġbu lill-PN aktar irrelevanti milli hu. Id-daħqa hija li magħhom spiċċaw ċorma Laburisti jikkritikaw lil George Vella, minflok lill-prim ministru għal mod kif ħadem u mexxa dawn l-emendi.