Kriżi tal-PN f’Għawdex
Minn qarrej ta’ dan il-blog.
Fi żmien Eddie Fenech Adami, u qablu fi żmien Giorgio Borg Olivier, Għawdex kienet fortizza Nazzjonalista. Taħt Lawrence Gonzi, il-PN beda jitlef gelgul ta’ voti fil-gżira Għawdxija u mill-2013 ‘l hawn il-Labour ħa over għal kollox. Illum il-PN f’Ghawdex sfaxxa.
Taħt Bernard Grech, il-PN f’Għawdex krolla totalment. Eluf ta’ Nazzjonalisti Għawdxin telqu lill-partit. Uħud minnhom ma jivvutawx u ħafna oħrajn qed jivvutaw Labour. Miż-żewġ deputati Għawdxin huwa biss Alex Borg li għaddej bil-ħidma – anke jekk Bernard Grech u dak li fadal mill-magna tal-PN, lil Borg warrbuh ghal kollox. Kemm ilu li ħa pożizzjoni ta’ prinċipju fuq il-vot tal-IVF, il-PN tawh il-ġenb lil Alex Borg. Imma Borg qed jibqa’ jisfidhom, u b’aktar minn 6,000 vot warajh lil Borg mhux se jirnexxilhom jeqirduh.
Chris Said issa tilef kull interess. Kien wieħed mill-prinċipjanti fit-tneħħiija ta’ Adrian Delia minn kap tal-PN u biex Bernard Grech tpoġġa kap pupazz tal-klikka. Iżda issa Bernard Grech warrbu wkoll lil Said u dan tilef kull interess. Meta Said ħareġ għall-kariga ta’ kap tal-PN, Simon Busuttil la ried lilu u lanqas lil Adrian Delia. Kien ħadem għal Alex Perici Calascione. Iżda meta Perici Calascione ma għaddiex għat-tieni fażi tal-votazzjoni, Busuttil kellu jappoġġja lil Said biex żgur ma jappoġġjax lil Adrian Delia. Illum Said kisiriha wkoll mal-fazzjoni ta’ Busuttil.
Bħal ma seħħ f’Malta, il-PN f’Għawdex ma ħax ħsieb lin-nies tiegħu. Simon Busuttil kien wettaq suwiċidju politiku għall-PN meta ġiegħel lil Giovanna Debono tirriżenja, biex imbagħad il-Qorti tat raġun lil żewġha. Debono kienet pilastru ewlieni tal-PN f’Għawdex. Kienu jivvutawlha anke Laburisti. Imma Simon Busuttil qatlilha l-karriera politika. L-istess kif għamlu lit-tfal ta’ Anton Tabone, l-ewwel ministru ta’ Għawdex. Meta wieħed minn uliedu pprova jagħmel pass fil-politika, il-PN qatagħlu saqajh mill-ewwel.
L-istess għamlu lill-avukat Samwel Azzopardi, li kien sindku Nazzjonalista tar-Rabat Għawdex. Il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil tah il-genb u l-istess għamel Bernard Grech biex Azzopardi spiċċa telaq ukoll mill-PN.
Kien hemm ukoll Ryan Mercieca Cefai. Kien ħadem ħafna f’Għawdex bħala kandidat u kien jipprometti. Iżda l-klikka li ħakmet u fgat il-PN qaċtitlu rasu. Bernard Grech lil Mercieca Cefai ramieh ukoll.
L-istess kienu għamlu lill-avukat Joseph Attard tax-Xagħra. Kien avukat jipprometti, ġej minn familja Nazzjonalista magħrufa fix-Xagħra bħala ‘Tal-Qaddis’. Rawh jipprometti u minflok indukrawh, il-PN taħt Simon Busuttil tah il-ġenb u mbuttaw lil Kevin Cutajar mix-Xaghra stess li, fl-aħħar elezzjoni ġenerali tilef postu mill-Parlament. Illum kemm Attard kif ukoll Cutajar żarmaw mill-PN.
Kandidati oħrajn li waqqfu jimmilitaw fil-PN hemm Maria Portelli tar-Rabat. Kienet tfajla tirsisti ghall-PN. Tawha l-ġenb ukoll.
David Stellini bilkemm laħaq poġġa fuq is-siggu tal-parlament li ma telaqx lura lejn Brussell.
Marthese Portelli, deputat Għawdxija, żarmat mill-PN ukoll. Lil din lanqas ma ħallewha taħdem.
Anke sindki Nazzjonalisti spiċċaw irriżenjaw u telqu mill-PN, fosthom is-Sindku Nazzjonalista tal-Għasri li mar indipendenti, l-avukat Daniel Attard. Il-PN warrab ukoll lis-Sindku Nazzjonalista tal-Għarb David Apap.
F’Għawdex Bernard Grech mhux milqugħ. In-Nazzjonalisti Għawdxin tilfu kull fiduċja fih, anke jekk kienu appoġġjawh għall-kap. Fil-PN, Bernard Grech ġab biss firda u tifrik.

Bit tnehhija ta Adrian Delia u bil mod kif saret qabel iz zmien (kellu mandat ta hames snin ) mit tesserati tal Partit inholoq precedent ikrah bil konseguenza li illum Il Partit jinsab maqsum f’mitt bicca b’detriment ghal pajjiz. Ghaliex ftit nies ma kellhomx pacenzja jistennew Elezzjoni Generali. Il kilba ghal poter wassal ghal waqa’ ta dan il Partit kbir. Min hu responsabbli ghal dan irid ihabbat fuq sidru u jghid ‘ mea culpa ‘. Decizjoni bhal din imissa qatt ma saret. Ghal gid kemm ghal Partit u kemm ghal pajjiz.