L-elezzjoni tal-viċi-kap fil-Partit Nazzjonalista

Minn osservatur politiku

Bħalissa għaddej il-proċess elettorali biex tintela’ l-kariga ta’ Viċi-Kap fil-Partit Nazzjonalista. Din hija t-tieni l-ogħla kariga fil-Partit wara dik ta’ Bernard Grech. Mill-Partit Nazzjonalista kollu instab li kien hemm persuna waħda biss li kienet interessata f’din il-pożizzjoni tant prestiġjuża fil-partit. Kien interessat biss l-avukat Alex Perici Calascione.

Il-partitarji Nazzjonalisti kollha għadhom jiftakru kemm ftaħar Bernard Grech bl-impenn tiegħu li jġedded il-Partit Nazzjonalista. Għadhom jiftakkru wkoll li l-istess Bernard Grech kien talab lil kull min kien jokkupa kariga għolja fil-Partit Nazzjonalista biex jagħmel pass lura u jwarrab.

Fil-fatt hekk ġara u flokhom daħħal xi żgħażagħ. Waħda minn dawn il-pożizzjonijiet kienet okkupata minn ħadd aktar ħlief Alex Perici Calascione. Bernard Grech warrab lil Perici Calascione minn President ta’ kumitat importanti ħafna fil-partit, jiġifieri neħħieh minn President tal-Esekuttiv. Mela Perici Calascione kien ħa pass lura. Niftakru wkoll li dan l-istess avukat għamel żmien teżorier tal-istess partit u mela żgur ma jistax ikun meqjuż bħala persuna ġdida. Saħansitra kien ħareġ għall-pożizzjoni ta’ kap meta kien rebaħ it-tellieqa Adrian Delia.

Ħadd mill-partitarji Nazzjonalisti ma jistgħu jifhmu kif minn daqshekk rappreżentanti tal-partit, ħadd ma tħajjar jitfa’ ismu għal din il-pożizzjoni. Kemm ilu jeżisti l-Partit Nazzjonalista dejjem kien hemm dak l-entużjażmu neċessarju biex jintlew dawn il-pożizzjonijiet. Anke il-fatt li Perici Calascione dam sal-aħħar mument biex jitfa’ l-kandidatura tiegħu turi n-nuqqas ta’ entużjażmu.

Donnu ried jagħmel ċert li ma jkollux għalfejn jagħmel tellieqa ma’ xi ħadd ieħor. Perici Calascione mill-ewwel se jpoġġi fuq il-Partit Nazzjonalista diffikulta peress li mhux deputat tal-Parlament. Irid bil-fors jintgħażel xi ħadd min ikun jista’ jiddibatti u jiddeċiedi fil-kumitat parlamentari dwar ix-xogħol tal-kamra. Hemmhekk dejjem kien preżenti l-Viċi Kap f’isem il-Partit Nazzjonalista. Issa jrid jiġi nnominat xi ħadd biex ikopri dak ix-xogħol. Nisperaw li Perici Calascione juża l-kapaċita’ tiegħu biex jipprova jgħaqqad il-Partit Nazzjonalista, xi ħaġa li tidher ovvja li ma rnexxielux jagħmel Dr Bernard Grech.

Jekk ser jidħol għal din il-biċċa xogħol ser ikollu għadma iebsa għax il-firda u l-apatija li teżisti fil-partit bħalissa huma feriti li għandhom bżonn żmien twil ta’ terapija biex forsi jfiequ.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *