Is-survey tal-Ħadd jikkonferma kemm il-liberali daħħlu lill-PN fil-ħajt: issa ħareġ li l-PN tilef Għawdex.

Ilbieraħ, f’dan is-sit ġie ppubblikat artiklu dwar kif il-PN tilef is-South ta’ Malta minħabba l-arroganza tiegħu. Illum ser nitkellem fuq punt ieħor. Mis-survey tal-Ħadd li għadda fil-Malta Today ħareġ ċar li l-PN tilef anki Għawdex. Fi kliem ieħor, il-Malta Today tatna l-agħar riżultat li qatt ġab il-Partit Nazzjonalista f’dawk li huma surveys u dan ir-riżultat ġabu Bernard Grech.

Issa Għawdex hu mitqies bħala gżira tradizzjonalista. Infakkar li fuq Għawdex tela’ b’saħħtu Alex Borg li Bernard Grech qed jagħmel minn kollox biex jeqirdu. Illum Bernard Grech għandu r-riżultat. Fuq Għawdex, Bernard Grech ma nġabarx. Dawn ma għadhomx aktar opinjonijiet. Dawn issa saru fatti.

Infakkar li kienet il-Malta Today li qalet lil Bernard Grech biex imur fuq il-linja liberali. Ara xi ġralu. Il-partit tiegħu qed jiddisintegra fl-aktar żona li kienet mitqiesha tradizzjonalista u l-fortizza tal-Partit Nazzjonalista. Jekk kien intelliġenti missu nduna b’dak li ġej għalih.

Dan kien ħareġ ċar fl-analiżi tat-telfa – l-aħħar waħda li sar fl-2013. F’dik l-analiżi kien ħareġ ċar li jekk dan il-partit kien ser jaqbad it-triq tal-liberaliżmu, dan kien ser jisparrixi. L-esperti tiegħu qalu li dik mhix analiżi korretta, ibda minn Daphne Caruana Galizia. Issa araw fejn spiċċa l-partit. Qed jitmermer fil-bażi tiegħu stess.

Il-partitarji konservattivi iridu mexxej bis-sinsla u bil-valuri. Għalhekk fuq Għawdex, Alex Borg tela’ b’saħħtu. Kieku ma hemmx Alex Borg, is-sitwazzjoni tal-PN kienet tkun aktar mwera fuq din il-gżira milli hija bħalissa.

U x’inhi t-tweġiba ta’ dan kollu? Il-PN qed jara kif jagħmel damage control. U hawn sab forċina f’Fr. Joe Borg li wżaw il-Leħen biex jippromovi l-aġenda liberali tiegħu u ta’ sħabu. Jekk dan ħaseb li l-poplu mbeċilli qed jgħarralu. Għal ħafna nies hemm valuri u dawn il-valuri jibqgħu valuri validi, jgħidu x’jgħidu, ċerti nies.

Infakkar li Joe Borg kien ħadha kontra l-Partit Nazzjonalista, dak iż-żmien immexxi minn Adrian Delia, talli fl-elezzjoni tal-MEPs, Delia kien ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-abort. Infakkar li f’dik l-elezzjoni, il-PN kien għamel billboard favur il-ħajja u kontra l-abort. Fr. Joe Borg u sħabu l-ġurnalisti liberali ma kienux ħadu pjaċir b’dan il-billboard. Peress li Adrian Delia kien kontra l-abort, dawn il-liberali – u Joe Borg kien u għadu magħhom – ħadmu biex itajruh. Ara din ma jgħiduhiex. Ħadmu biex f’dik l-elezzjoni, il-PN imur ħażin ħalli terbaħ l-aġenda abortista tagħhom. Infakkar li f’dik l-elezzjoni tal-2019, is-Soċjalisti Ewropej riedu “sexual health rights across the board“. Bħala reazzjoni, il-PN kien kiteb programm elettorali fejn qal li hu favur il-ħajja mit-tnissil sal-mewt. Hawnhekk il-liberali irvillaw u ħadmu kontra Adrian Delia biex itellfuh dik l-elezzjoni ħalli mbagħad jgħidu lil kulħadd kemm għandhom raġun huma li l-Partit Nazzjonalista qed jitlef minħabba li hu l-partit tal-għonnella!

Issa sabu mexxej li lest li joqgħod għal li jgħidulu basta jdaħħal paga tajba. F’daqqa waħda, Bernard Grech, minn persuna ta’ Kana u kontra d-divorzju, sar il-bniedem favur l-abort bħala ma juri l-mod kif mexxa b’tiranija l-emendi favur il-liġi tal-IVF.

Għall-inqas fuq ħaġa waħda Joe Borg baqa’ kostanti. Kien jgħid fl-2019 u reġa’ qalha issa li l-ġlieda mhux kontra l-abort trid tkun. Min-naħa l-oħra, qatt ma kiteb post biex ifaħħar lill-PN jew lil dawk fil-PN li huma favur il-ħajja. Anzi kif juri l-aħħar artiklu tiegħu f’The Times, spiċċa jgħajjar, bħal ma kien jgħajjar Mintoff fis-sittinijiet, lil dawk li jżommu mal-maġisteru tal-Knisja.

Imbagħad xi strateġija ġiet użata? Waħda li tatilna Newsbook. Heqq mhux il-PN biss hu favur l-abort imma anki l-Partit Laburista qaltilna Newsbook. B’hekk staqsew lil Cressida Galea jekk hix kontra jew favur l-abort u Galea ma rrispondietx. B’hekk Newsbook kiteb artiklu sħiħ biex iwassal messaġġ li tal-Lejber – fejn jidħol l-abort – huma agħar mill-PN.

Il-problema tinsab hawn. Il-Labour fin-natura ideoloġika tiegħu ser ikun favur l-abort. Imma li jkollok qassis, Knisja u partit konservattiv fuq din il-pożizzjoni huwa skandlu.

In-Newsbook tista’ tuża din it-tattika ta’ damage control li l-Lejber jużaha kull meta jiġi dahru mal-ħajt fuq issues ta’ korruzzjoni u jkun attakkat bil-korruzzjoni. Bħala damage control, iġib fatti marbuta mal-korruzzjoni tal-PN.

Il-problema tal-PN tinsab hawn. It-tattiċi ta’ damage control li qed juża l-PN jidhru li mhux qed iħallu effett għaliex xorta niżel l-isfel. In-nies li niżlu lill-PN ġo dawn l-abbissi spiċċaw biex anki niżżlu lill-Knisja ġewwa Malta fil-qiegħ u ġabuha rrelevanti bil-kappillani jibku lin-nies biex jerġgħu jibdew imorru l-quddies!.

Imma l-konferma finali tinsab hawn. Waqt li dan jgħodd għall-Malta jidher li ma jgħoddx għall-inqas għall-Għawdex. F’Għawdex, il-PN sfronda imma l-Knisja le. Imma f’Għawdex hemm djoċesi – jiġifieri hemm mexxej tal-knisja li pastoralment huwa indipendenti minn dik Maltija. Għall-isqof ta’ Għawdex, il-maġisteru tal-Knisja jiġi l-ewwel u qabel kull interess politku.

B’hekk dan is-survey jikkonferma kemm kienet żballjat l-istrateġija li addottaw il-liberali fil-Partit Nazzjonalsita.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *