Huwa mportanti li l-elettorat jieħu nota ta’ dawk il-kandidati li jafuk biss meta tasal l-elezzjoni
Minn osservatur politiku
Tiskanta kif fil-kampanja elettorali kull kandidat jiftakar fik. Imma kif appena tgħaddi l-elezzjoni ġenerali kulħadd jinsiek. Imma min jistenna li meta jkun il-waqt jingħata l-appoġġ neċessarju ma jistax jaħseb jew jimmaġina li għal tul ta’ żmien wieħed jinsiek imbagħad meta jasal il-waqt jerġa’ jiftakar fik. Trid tittieħed nota ta’ min qed jagħmel hekk fil-ħajja politika. Jagħmel ħames snin qisu ma jafek xejn imbagħad meta toqrob l-elezzjoni u speċjalment fil-kampanja elettorali erħilu jibgħat il-messaġġi jew jagħmel it-telefonati biex fil-ħin tal-prova tiftakar fih. Hemm bżonn li nfakkru lid-deputati jew kandidati li ma jistax ikun li aħna l-elettorat nservu ta’ għajnuna biss meta tasal l-elezzjoni.
Bil-fors li rridu nibdew nieħdu nota ta’ min jinsiek għal kollox għal tul ta’ żmien sa x’ħin jerġa’ jiftakar fik meta tissejjaħ xi elezzjoni. Dalwaqt naslu għal erba’ xhur mill-aħħar elezzjoni ġenerali. Qed ninsew kemm-il darba t-telefon daqq biex jgħidilna li kien wasal xi messaġġ minn għand xi kandidat. Imma kif għaddiet l-elezzjoni t-telefon reġa’ sieket u ma għadniex nisimgħu minn għand ebda politiku. Issa l-kampanja elettorali terġa’ tieħu raqda twila ta’ ħames snin. Forsi tqum ftit matul l-elezzjonijiet Ewropew.
Imma mid-dehra anke d-deputati jinsabu f’raqda twila. Matul il-kampanja elettorali kulħadd jistaqsi jekk ikunx hemm bżonn xi ħaġa, jekk ikollokx bżonn xi għajnuna fuq xi problema, jekk ikollokx bżonn tinqeda f’kwalunkwe ħaġa. Imma issa jerġa’ jaqa’ skiet perfett u matul ħames snin ma tisma’ xejn jekk ikollokx bżonn ta’ xi ħaġa. Qisu l-għajnuna jkollok bżonnha biss ftit qabel elezzjoni ġenerali.
Issa min kellu jsib postu sabu u qiegħed kuntent ipoġġi fuq il-pultruna l-ħadra tal-parlament. Jinsa kemm talab għajnuna tal-vot sa ftit ġimgħat ilu. Nesa kemm saru wegħdi ta’ kull kwalita, l-aqwa li jakkwista dak l-imbierek vot. Biss kull deputat u kandidat irid jiftakar li jekk irid jibqa’ popolari u jirrifletti l-voti li akkwista jrid jagħmel ħiltu biex ma jabbandunax il-kostitwenti u jżomm kuntatt ma kulħadd. Dan il-kuntatt għandu jibqa’ għaddej b’mod regolari u mhux biss meta titħabbar l-elezzjoni ġenerali. Il-politiku mhux viċin in-nies biss meta jkollu bżonnhom imma jrid jagħmel ħiltu li jibqa’ viċin in-nies tul il-leġislatura kollha.
Kulħadd kapaċi jieħu n-noti ta’ min qed jipprova jżomm kuntatt u min le. Għalkemm ħames snin huma xi ftit twal, iż-żmien jgħaddi u jerġa’ jasal il-waqt li l-politiku jrid jerġa’ jdur fuq in-nies għall-għajnuna. Kull kandidat irid jiftakar li bogħod mill-għajn bogħod mill-qalb u jekk il-politiku jinsa lill-kostitwent, il-kostitwent malajr jinsa lilu.