Minħabba li Bernard Grech mexa fuq il-parir ta’ Fr Joe Borg ma jistax jitkellem dwar il-konflitt li hemm bejn il-President u l-gvern

Issa The Times tkellmet dwar il-fatt li l-President tar-Repubblika għadu ma ffirmax l-emendi tal-liġi tal-IVF. Issa l-ġurnalisti progressivi ta’ The Times indunaw li ma jistgħux jibqgħu b’ħalqhom magħluq fuq dan il-fatt. Ivan Martin, li kiteb l-artiklu kawżi kawżi ħadha kontra l-President Vella talli għadu ma ffirmahiex. Issa qed ikompli joħroġ li dan is-sit kien korrett meta qal li l-Gvern għandu diffikultajiet fuq din il-liġi u l-istrateġisti tal-PN, ibda minn Fr, Joe Borg, daħlu għal darba oħra lill-Partit Nazzjonalista fil-ħajt.

Imma jidher li The Times qed tipprova tiddefendi lill-gvern tal-ġurnata. Ma qalet xejn dwar il-fatt li hu skandaluż li l-gazzetta tal-gvern ħarġet tgħid li l-President iffirma l-liġi meta dan mhux minnu. Qalet biss li l-President għadu ma ffirmax il-liġi. Illum qed nibda’ nissuspetta li dak li ġara ma kienx żball iżda attentat biex issir pressjoni fuq il-President tar-Repubblika ħalli jiffirma. Imma George Vella hu George Vella u mhux ser jaqa’ għal din it-tip ta’ pressjoni. Kieku kien żball, il-gvern kien jagħmel apoloġija. Imma l-Gvern qed jaġixxi qisu qatt ma ġara xejn u l-Oppożizzjoni tifraħ li kienet mal-gvern biex għaddew dawn l-emendi. Kieku Bernard Grech kien kap tal-oppożizzjoni serju, ilu li għajjat li dan hu skandlu li qatt ma rajna bħalu kemm ilu jeżisti l-istat Malti.

F’dan il-kuntest, wieħed jissuspeta li l-għażla tal-Aġent President saret kif saret biex ikun hemm xi ħadd li lest jiffirma din il-liġi jekk ma jiffirmahiex il-President. B’hekk tkun tista’ tiġi ffirmata milll-Aġent President. Ara fuq dan il-punt,la l-ġurnalisti liberali u l-anqas l-Oppożizzjoni ma qed jgħidu jew jagħmlu l-ebda pressjoni.

Issa jidher aktar ċar li l-Aġent President ġie maħtur kif ġie maħtur biex ikun hemm xi ħadd fil-presidenza li jista’ jifirma din il liġi minflok l-President. Issa jidher li hu hekk. Jidher ċar li l-Prim Ministru kien jaf li l-President Vella ma riedx jiffirma din il-liġi. Minflok Bernard Grech mexxa l-Oppożizzjoni bil-għaqal biex jikxef id-diżgwid intern fil-gvern, kif inhu d-dmir tal-Oppożizzjoni, semgħu minn Fr. Joe Borg u biex ma jkunux partit tal-għonnella, ivvutaw mal-gvern fuq dawn l-emendi.

Issa l-gvern jidher li ser ikun qed jistenna l-mument meta l-President ikun imsiefer biex din il-liġi tiġi ffirmata mill-Aġent President. Imma jidher li bi żball il-ligi tressqet quddiem il President Vella meta kellha tersaq quddiem l-Aġent President. Il-gvern ta’ Abela kien jaf li mossa bħal din kienet tpoġġi lill-President tar-Repubblika f’diffikulta’. Għalhekk qed ngħid li nbagħtet lill-President Vella bi żball. Robert Abela jaf li George Vella hu bniedem ta’ kelmtu u tal-punt.

Issa ħiereġ il-fatt ta kemm kien prematur l-parir ta’ Joe Borg u ta’ membri oħra tal-kleru biex il-PN jivvota favur dawn l-emendi meta għandek President ta’ pajjiż li għaliex hu tabib jaf sewwa xi tfisser din il-liġi. Il-PN sar partit tal-lagħqa. Biex jilgħaq mingħalih il-voti tal-liberali spiċċa biex biegħ ruħu lill-gvern. Ara issa xi ġralu. Issa ma jistgħux jitkellmu fuq dan il-konflitt li hemm bejn il-gvern u l-President.

One thought on “Minħabba li Bernard Grech mexa fuq il-parir ta’ Fr Joe Borg ma jistax jitkellem dwar il-konflitt li hemm bejn il-President u l-gvern

  1. Fr. Joe Borg minn qalbi nitolbok twettaqx affarijiet li jwasslu nies jidbedu mil HALLIEQ DIVIN imhabba fik, Bhali taf zgur u aktar minni li illum jew ghada irridu immorru quddiemu u jiggudikana fuq ghemilna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *