Għaliex il-kelliem ewlieni tal-PN, Peter Agius, mhux qed jitkellem fuq temi jaħarqu li jolqtu lill-Partit Nazzjonalista?
F’dawn il-jiem kien hemm numru ta’ kontroversji li jikkonċernaw lill-Partit Nazzjonalista. Wieħed kien jistenna li l-kelliem ewlieni tal-Partit nazzjonalista, jiġifieri Peter Agius jitkellem u jgħid il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista x’inhi. Minflok, rajna lil Mark Anthony Sammat jitkellem u jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista jew biex inkunu aħjar, dik ta’ Bernard Grech.
Hawn wieħed jistaqsi lil Peter Agius għala mhux qed jitkellem fuq x’inhi il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista? Forsi għaliex bħala l-kelliem ewlieni huwa aktar iffukkat fuqu nnifsu u fuq il-fatt li ser ikun kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet Ewropej u b’hekk qed jaħseb għall-voti għalih innifsu? Jew inkellha għax jaf li dak li qed jgħid Mark Anthony Sammut mhux vera l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista imma l-pożizzjoni arbitrarja ta’ Bernard Grech? Jew forsi hemm raġunijiet aktar minn dawn it-tnejn?
Il-fatt xorta jibqa’ li Peter Agius għadu, safejn naf jien, il-kelliem ewlieni tal-PN. Mela l-pożizzjoni tiegħu titlob li jkun il-leħen tal-Partit Nazzjonalista kull meta tiġi komunikata xi ħaġa lill-media.
Imma kif spjegajt, din issa qed tkun ikkommunikata minn Mark Anthony Sammut.
Hekk jiġri f’kull pajjiż fejn partit politiku jkollhu kelliem ewlieni. Dan hu dak li jitkellem f’isem il-partit. Iżda fil-każ tal-PN, le. Fuq l-IVF Agius staħba u l-istess għamel fuq għadd ta’ suġġetti oħrajn, inkluż fuq il-kontroversja li qamet dwar it-tkeċċija tad-diplomatiċi Russi minn Malta.
Minflok Agius mehdi jagħmel il-kampanja personali tiegħu biex forsi din id-darba jikseb s-siġġu fil-Parlament Ewropew. U addio l-Partit Nazzjonalista.