Fr. Joe Borg jikteb artiklu f’The Times biex jitfa’ botti bil-pulit kontra l-isqof ta’ Għawdex Anton Teuma u Edwin Vassallo

Illum The Times tatna artiklu minn Fr. Joe Borg.  Dan hu l-istess qassis li ma ddejjaqx juża l-media tal-knisja u l-konnessjonijiet tiegħu biex ixerred gideb, ħdura u valenu fuq in-nies.  Imma jekk xejn, dan l-artiklu ħareġ verament dak li hu dan ir-raġel pupazz tal-liberali u l-interess tal-liberali jiġi qabel il-maġisteru li suppost hu parti minnu. Fuq kollox, ħareġ li l-liberali qed jitilfu s-setgħa tagħhom fil-PN waqt li hu ma għandux kontroll fuq l-isqof ta’ Għawdex Anton Teuma.

Dan hu qassis li qatt ma kien ċar dwar fejn hu postu.  Dan hu wieħed minn dawk li l-interess tal-liberali li huma parti mill-Partit Nazzjonalista jiġu għalih l-ewwel u qabel kollox.  Jekk l-interess ta’ dawn il-liberali fil-Partit Nazzjonalista jmur kontra l-interess jew it-tagħlim tal-Knisja, allura ma jiddejjaqx juri li ma jaqbilx mat-tagħlim tal-Knisja.

Forsi wieħed jgħid imma dan il-qassis qed esprimi l-liberta’ jew is-separazzjoni bejn partit u knisja. Kieku qed jagħmel hekk fiha u ma fihiex.  Imma dan hu wieħed minn dawk risponsabbli għala l-partit Nazzjonalista spiċċa ineżistenti, kif ukoll spiċċat ineżistenti l-arċisqof Charles Scicluna li hu l-prodott ta’ dan ir-raġel.

Il-problema ta’ Joe Borg hija li ħareġ jiddefendi lil Bernard Grech u l-isħabu fuq il-vot fuq l-emendi tal-IVF fl-istess jum meta jidher ċar li l-ministru tal-gvern ppubblika informazzjoni falża fuq l-istess gazzetta tal-gvern dwar din il-liġi.  Mela fuq naħa Borg qiegħed jikteb li din hija liġi sublimi u ma għandha xejn ħażin, min-naħa l-oħra, joħroġ li l-President tar-Repubblika għadu ma ffirmahiex.  Anki mill-att ta’ strateġija politika, dan il-fatt waħdu juri kemm dan il-qassis huwa nkompitenti politikament u qed idaħħal il-Partit Nazzjonalista fil-ħajt!

Imbagħad hemm il-fatt tal-vot tal-kuxjenza.  Issa jidher ċar li għal dan il-qassis, il-membru parlamentari għandhom dritt għall-vot tal-kuxjenza sakemm din ma tmurx kontra l-interessi tal-liberali fil-Partit Nazzjonalista jew tkun fl-interessi tagħhom. Qed ngħid dan għaliex dan ħareġ bl-argument sublimi li dawk id-deputati Nazzjonalisti li vvutaw favur l-emendi tal-IVF, dawn ukoll ivvutaw skont il-kuxjenza!  

Jekk xejn dan l-artiklu juri li l-liberali fil-Partit Nazzjonalista qegħdin fi nkwiet serju.  Dan għaliex anki jekk il-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalisti vvutaw mal-gvern fuq l-emendi tal-IVF, Joe Borg qed iħossu fid-dmir li joħroġ jaqbeż għalihom u jgħid li dan ma kienx vot favur l-abort.  Fi kliem ieħor, qed joħroġ għonqu u jiddefendi ċerti membri Parlamentari bl-agenda liberali imma sabu l-elettorat Nazzjonalista kontra tagħom.  Min-naħa l-oħra, għajjar lil dawn li skont il-kuxjenza tagħhom u vvutaw kontra dawn l-emendi bħala deputati libsin l-għonnella.

Dan l-argument juri l-aġenda woke li jħaddan Joe Borg.  Imma jekk hemm persuni li m’humiex libsin l-għonnella, huwa appuntu dawn id-deputati Nazzjonalisti li vvutaw kontra dawn l-emendi u skont il-kuxjenza tagħhom.  Dawn għamlu l-għażliet tagħhom favur id-dinjita’ umana, favur il-ħajja, favur il-ġid komuni u f’ċertu sens tkellmu u ħadu deċiżjonijiet ibażżati fuq it-tagħlim soċjali tal-Knisja Kattolika. Imma issa skont, Joe Borg, min jieħu pożizzjoni skont it-tagħlim tal-knisja Kattolika huwa extremist. Dan mhux qed jinduna li jekk hemm fundamentalisti dawn huwa nies bħalu, jiġifieri dawk li jħaddnu l-woke culture.  

Mela għax deputati u eks-deputati tkellmu u qedj jitkellmu skont it-tagħlim soċjali tal-knisja, issa saru konservattivi, Trumpisti u kulħadd għandu jevitawhom?  Dawn tkellmu kif kien mistenni jitkellmu la darba huma membri ta’ partit li jiftaħar li hu Kattoliku u l-Alla tiegħu hu dak Latin, jew kif kienu jgħidu fl-imgħoddi, “il Deo Latino” u dan huwa magħhom.

B’hekk naħseb li nkun qed nagħmel konklużjoni tajba jekk ngħid li Joe Borg kien imqabbad biex jikteb dan l-artiklu biex juri li dawk d-deputati li vvottaw favur dawn l-emendi li sew għamlu għaliex huma kienu qed jivvuttaw skont il-kuxjenza tagħhom u t-tagħlim tal-knisja.  Imma għalfejn qed jiddefendihom Joe Borg? Suppost dawn huma d-deputati li ħarġu rebbieħin għaliex kienu fil-maġġoranza.

Fil-istess waqt, jidher li Joe Borg hu nkwietat ferm mill-impatt li jista’ jħalli Edwin Vassallo permezz tal-laqgħat ta’ Djalogu li qiegħed jorganizza.  Lil Edwin ma semmihx b’ismu, imma tefa’ l-botta lejh lejn l-aħħar tal-artiklu.  Infakkar li fil-laqgħa ta’ Għawdex, attenda għaliha l-isqof tal-gżira Anton Teuma.   Ara d-djoċesi ta’ Malta u l-arċisqof tagħha, lil Edwin Vassallo ma tawhx support.  Jidher ċar li waqt li Joe Borg jista’ jikkontrolla lil Scicluna – kif qed jikkontrollawh il-liberali – l-isqof ta’ Għawdex ma jikkontrollah ħadd u ma jista’ jirrikattah ħadd.

Illum Edwin Vassallo jidher li qiegħed joħloq għedewwa ġodda min fost l-eks-sħabu u l-kleru woke ta’ Scicluna.  Imma lil Edwin Vassallo ma jistgħu jirrikattawh.  Kull ma jistgħu jagħmlu huwa, kif qed jipprova jagħmel Joe Borg li jgħajru u jgħidulu antikwat u ta’ taħt l-għonnella. Koss, dan Joe Borg jispiċċa jitkellem bl-istess lingwaġġ ta’ Don Mintoff.  Infakkar li Mintoff kien jgħajjar lil dawk in-nisa tal-Mużew li kienu kontra tiegħu fil-glieda politico-relġjuża tas-sittinijiet bħala wirdien u tal-għonnella!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *