Is-sentenza tal-qorti tal-appell: għaliex dan il-biża’ kollu minn dan il-mobile ta’ Keith Schembri?
Ilbieraħ kellna s-sentenza tal-qorti tal-appell li fiha ċaħdet id-dritt tal-avukati ta’ Yorgen fenech li jkollhom aċċess għall-informazzjoni tal-pulizija qabel ma l-inkjesta kollha tkun konkluża. Allura x’ser jiġri issa jekk l-inkjesta ma tkun konkluża qatt jew tkun konkluża wara li jkun sar il-ġuri ta’ Yorgen Fenech u joħroġ li kien hemm informazzjoni relatata ma’ dan id-delitt? Infakkar li l-qrati tagħna ma tawx il-liberta’ proviżorja lil Yorgen Fenech. Mela hawn għandna logħba kerha li qed tilgħab il-pulizija u l-uffiċju tal-avukat ġenerali. Ara fuq dan il-punt, tar-rule of law ma jgħidu xejn. Ara fuq dan il-punt l-ebda avukat anzjan ma jitkellem.
Kieku dan kien każ normali ma tkunx problema li wieħed jistenna li l-inkjesta tingħalaq. Imma milli jidher, f’dan il-każ, l-inkjesta ma hi ser tingħalaq qatt. B’hekk persuna qed tinżamm arrestata fil-ħabs sakemm tgħaddi ġuri u ma tafx jekk hix sejra ġuri l-evidenza kollha f’idejha u l-anqas taf jekk il-pulizija qed taħbi evidenza minnha.
Sadanittant hemm informazzjoni li hija mportanti għal dan il-ġuri li l-pulizija qed iżżomm moħbija meta hu fid-dmir tagħha li turi l-evidenza kollha. Imma issa l-qorti tal-appell qed tgħid li biex din l-evidenza tkun magħrufa, l-ewwel trid tagħlaq inkjesta li hemm. U jekk din l-inkjesta ma tingħalaq qatt, din l-evidenza tibqa’ tinżamm moħbija mid-difiża ad aeternum? Jistgħu t-tliet imħallfin tal-appell jispjegaw dan? Imbagħad ikollna xi eks-kżar tal-etika u jgħidilna li għandna aktar bżonn ta’ eks-imħallfin biex imexxu nkjesti! Ħalluna kwieti.
Hawn għandna każ ċar li bi skuża ta’ inkjesta, il-pulizija u l-avukat ġenerali jibqa’ jaħbi fatti. Mela sakemm il-pulizija tressaq lil xi ħadd, ebda provi ma jistgħu jiġu żvelati, imma sa dan it-tant, l-istess qorti tibqa’ tiċħad il-liberta’ proviżorja ta’ persuna.
Għalhekk issa nistenna li l-ġurnalisti jibdew jistaqsu lill-uffiċju tal-avukat ġenerali kemm fadalha din l-inkjesta biex tingħalaq.
Fuq kollox, hemm min qed jgħid li hemm interess li l-informazzjoni li hemm fil-mobile ta’ Keith Schembri ma tkunx magħrufa. Ara kull biċċa ta’ informazzjoni li kien hemm fil-mobile ta’ Yorgen Fenech spiċċat għand il-ġurnalisti. Hemm min qed jgħid li fil-mobile ta’ Keith Schembri hemm messaġġi li jistgħu jikkompromettu lill-istess prim ministru u b’hekk hemm min qed jara din is-sentenza tal-qorti tal-appell bħala salvaomu mitfugħ mit-tliet imħallfin biex jiskansaw li l-prim ministru jitħammarlu wiċċu. Il-mod kif One rrapporta din l-istorja jidher li kellu interessi ċari li l-informazzjoni li fih dan il-mobile ma toħrogx fil-pubbliku. Hu l-uniku interess li jista’ jkollu l-One huwa li dan il-mobile fi informazzjoni ta’ natura politika li l-Partit Laburista ma jixtieqx tkun magħrufa.
Issa tifhmu għaliex qed ngħid li l-Oppożizzjoni daħlet fi sqaq bl-istrateġija li addatat f’dan il-każ u spiċċat daħlet fil-ħajt. Għaliex din il-biża’ kollha li l-informazzjoni f’dan il-mobile ta’ Keith Schembri tkun magħrufa?