Jekk hemm każ fejn ma nġabux l-provi kollha mill-AG, dan mhux fil-każ tal-Pilatus Bank imma fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Ilbieraħ il-gazzetta Il-Mument tatna storja fuq l-aħħar paġna dwar l-uffiċju tal-avukat ġenerali waqt li fl-ewwel paġna rrepetit dak li ilu jgħid dan is-sit dwar is-sitwazzjoni fil-Partit Laburista. Waqt li f’dik li hija s-sitwazzjoni fil-Partit Laburista għandha raġun, f’dak li qalet fl-aħħar paġna dwar l-uffiċju tal-avukat ġenerali ma għandhiex raġun u qiegħdha tattakka lill-persuna ħażina. Din l-istorja tkompli tikkonferma l-konfoffa li hemm kontra Victoria Buttigieg. Kif għidt, min hemm wara din l-istrateġija ser jibqa’ għaddej sakemm iniżżilha. Biss din hija konfoffa mibnija fuq il-gideb. B’hekk f’dan l-artiklu ser inkun qed nanaliżża dak li ntqal f’dan l-artiklu fil-aħħar paġna tal-PN għaliex dwar is-sitwazzjoni fil-Lejber Party issa ktibt mhux ħażin.

F’dan l-artiklu jissemma ċertu avukat anzjan li skont din il-gazzetta dan l-avukat anzjan qed jgħid li Victoria Buttigieg qed timmina l-ġustizzja f’pajjiżna. Hawn wieħed jistaqsi min hu dan l-avukat li qed għid li qegħdha timmina din il-ġustizzja? Jimmina l-ġustizzja f’pajjiżna dak l-avukat fl-uffiċju tal-avukat tar-Repubblika li joħroġ att ta’ akkuża mimli gideb – u jaf li qed jigdeb- dwar delitt kbir li seħħ f’pajjiżna. Nispera li meta toħroġ il-verita’ kollha, dan l-avukat anzjan ma jwaħħalx f’Victoria Buttigieg! Jew dan l-avukat anzjan ġralu bħal ħrafa ta’ Esopu u issa qed jgħid li l-għeneb qares.

Min veru farrak l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali u ddemoralizza lill-avukati li jaħdmu f’dan l-uffiċju żgur li ma hix Victoria Buttigieg u l-anqas Peter Grech. Hu fatt magħruf li Victoria Buttigieg ma tiddejjaqx tagħti l-pariri tagħha bil-miktub u tiktibhom b’Inġliż impekkabbli!! Kien hemm ħafna avukati f’dan l-uffiċju li kienu tajbin u għadhom tajbin u raw kif parpru ‘l hemm. U nirrepeti li dawn ma telqux minħabba Victoria Buttigieg u l-anqas Peter Grech. Imma telqu minħabba ħaddieħor li l-Mument qed tikteb dan l-artiklu fl-interess tiegħu biex tiddefendi l-intriċċi tiegħu. Kien minħabba fih li kien hemm exodus ta’ avukati imma fuq dan il-fatt ħadd ma jgħid xejn u l-media tal-liberali u l-progressivi b’ħalqha magħluq.

Jekk hemm persuna li qed iżżomm provi moħbija f’dan l-uffiċju, kif allega dan l-avukat anzjan, dawn huma relatati mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dwar dan kelli ċans nikteb fid-dettall. Issa ma ħareġ imkien li Victoria Buttigieg kellha jew għandha x’taqsam ma’ din l-investigazzjoni, anki jekk bħala avukat ġenerali, din taqa’ taħtha!

Jekk qed jinżammu provi moħbija fil-każ tal-investigazzjoni fuq il-Bank Pilatus, kif allega dan l-avukat anzjan lill-Mument, ma għandix biża’ biex ngħid li dan ħażin. Imma jekk hemm investigazzjonijiet li nżammu l-provi jew il-provi kollha ma ġewx miġbura, dan kien fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan mhux qed ngħidu jien, imma qalu l-Imħallef Mintoff wara li sema’ x-xhieda li dehret quddiemu. Ara fuq dan il-każ, konvenjentament dan l-avukat anzjan ma qal xejn f’dan l-artiklu lill-Mument.

B’hekk naqbel ma’ dan l-avukat anzjan li hu ħażin li l-investigazzjonijiet isiru skont l-uċuh, imma jekk hemm investigazzjoni li mxiet skont l-uċuħ, din hija dik dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ma għandix dubju li dawk involuti f’dan l-uffiċju dwar dan il-qtil jafu li din hija l-verita’.

Nistaqsi lill-editur tal-Mument jekk jafx min kien qiegħed jorqod fuq l-atti tal-akkużi fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fejn jaqbillu jew l-artikli jdumu ma joħorġu s-snin?

U x’inhi tipproponi l-Mument u dan l-avukat anzjan? Li terġa ssir inkjesta oħra u din id-darba ukoll immexxija minn imħallfin iritirati. Anzi issa qalilna li dawn għandhom ikunu imħallfin li mexxew jew ħadmu fil-kriminal. L-oħrajn mhux tajbin. Mela ma tantx hemm għażla u kulħadd jaf lil min irid.

U taf x’ngħid lil dan l-avukat l-anzjan: ġa kellna nkjesta mmexxija minn tliet imħallfin irtirati fuq il-qtil ta’ Daphne. Dawn investigaw u bagħtu għall-kulħadd barra l-persuna li kienet qed tkun investigata fuq dan id-delitt, jiġifieri Yorgen Fenech. U skont dan l-avukat anzjan, eks-imħallfin kapaċi jmexxu inkjesta mparzjali.

Imma ċ-ċirasa fuq il-kejk hija li dan l-avukat anzjan rrepeta l-gidba ta’ The Times li l-avukati ta’ Yorgen Fenech inħelsu wara żball min-naħa tal-uffiċju tal-avukat ġenerali. Dan kien żball li l- istess Times spiċċat ikkoreġiet fl-istess jum li tat l-aħbar li dawn l-avukati inħelsu. Infakkar lil dan l-avukat anzjan li kien l-istess Ivan Martin li mar fl-uffiċju ta’ dawn l-avukati ta’ Yorgen Fenech fuq missjoni personali u mhux marbuta mal-ġurnaliżmu. Grazzi għal dan il-każ, sirna nafu li Ivan Martin jagħmel anki xogħol privat!!

Jaqaw hemm xi avukat fl-uffiċju tal-avukat ġenerali li qed tuġgħu żaqqu wara li pprova jressaq lil dawn l-avukati il-qorti – mingħajr ma sar rapport kontra tagħhom lill-pulizija minn Ivan Martin u ħawwad taħwida papali li waqa’ għan-nejk?

Naħseb li jekk hemm xi ħadd li għandu jkun investigat huma min għamel din it-taħwida kollha. Żgur ma kienetx Victoria Buttigieg jew Peter Grech li riedu jkun hemm proċeduri kontra l-avukati ta’ Yorgen Fenech. Infakkar li meta kont ippuntajt subgħajja lejn avukat u għidt li kien huwa wara l-manuvri biex iż-żewġ avukati ta’ Yorgen Fenech jitressqu l-qorti, dan l-avukat kien mar fl-istess qorti u fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech għajjarni giddieb u talab lill-maġistrata tipproteġih għaliex qal li qed iħossu mhedded minni!!

Mela dan l-avukat anzjan iridi nkjesta fejn fiha jiġi mistoqsi kulħadd minbarra l-protagonist jew protagonisti ta’ din l-inkjesta li f’dan il-każ huma Peter Grech u lil Victoria Buttigieg. U ħalluna fil-paċi!!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *