L-ewġenika fis-seklu għoxrin
Is-sitt parti
Minn John Spiteri Gingell
Il-fidi li x-xjenza u t-teknoloġija kienu ser iwassluna lejn l-art imwiegħda ħadet daqtejn ta’ ħarta kbar: l-ewwel waħda kienet matul-Gwerra l-Kbira (1914-1918). It-tieni wa]da kienet dik ta’ warajha jiġifieri it-Tieni Gwerra Dinija li kienet aktar qerrieda minn ta’ qabilha. Fit-tmiem ta’ din il-gwerra li fiha rajna mill-qtil tal-bnedmin fil-kampijiet ta’ konċentrament sal-użu tal-armi atomiċi, il-bniedem bħal donnu għall-mument fetaħ għajnejh. L-aktar pajjiżi avvanzati fix-xjenza u t-teknolġija kienu wasslu bl-invenzjonijiet tagħhom ferm qrib li mhux biss jeqirdu lil xulxin iżda l-ħajja kollha fuq din il-pjaneta magħhom.
Ix-xjenza miftuma mill-moralità u r-raġuni miċħuda mir-revelazzjoni mhux talli ma sarfitx f’ġenna fuq din l-art, iżda bil-kuntrarju waslitna sax-xifer. Bir-razzjonalita’ weħidha spiċċajna f’post totalment irrazzjonali u d-disgust pubbliku bil-ħruxija u moħqrija tal-qtil industrijali mnebbaħ mid-Darwiniżmu soċjali ġiegħel lill-esponenti tiegħu jirtiraw fl-isfond, mhux għax kienu nidmu, iżda biex ma jagħtux fil-għajn sakemm jerġa’ jiġi l-waqt opportun.
Però minkejja d-disgust lejn x’kien kapaċi jagħmel il-bniedem, ma setax jreġġa’ l-arloġġ lura. Spiċċa bħall-adoloxxent li ma jistax imur lura għaż-żmien tal-innoċenza. Kien fetaħ il-kaxxa ta’ Pandora. Kien għal darb’oħra kiel mit-tuffiegħa l-ipprojbita’.
U flok ipprova jiggranfa mal-blat biex jitla’ mill-ħama li sab ruħu fih u fittex mill-ġdid id-dawl u l-ħajja, wara attentant b’nofs qalb, qata’ qalbu u ntelaq mal-kurrent.
Maqbud bejn min-naħa, teorija li tgħidlu li kien biss skerz tan-natura u tax-xorti, li hu ma kellux tifsira, skop u destin u valur ta’ xejn u minn l-oħra, ir-realizzazzjoni li t-teknoloġija mhux talli taf ma tifdihx, iżda kellha l-potenzjal li teqirdu, il-bniedem infexx fl-individwaliżu bla rażan, fil-gratifikazzjoni instantanja u fin-niħiliżmu għax jekk ma kien hemm xejn akbar, għalfejn kellu jagħmel is-sagrifiċċji? Għalfejn sakemm għadu ħaj ma jiggratifikax l-instinti u l-passjonijiet? U jekk m’hemmx Alla, x’responsabbiltà kellu quddiemu, quddiem il-familja u l-kommunità tiegħu? U jekk ta’ qablu ħadu post Alla għax forsi mingħalihom setgħu jagħmlu aħjar minnu, u s-sagrifiċċi umani għamluhom fit-tama fiergħa li kapaċi jibnu destin aħjar. Il-bniedem post-modern għamel lilu nnifsu Alla mhux għax jemmen f’xi destin aħjar, iżda għax ħass li fin-nuqqas ta’ realta’ akbar ma kien jifdal xejn aktar mill-awtonomija assoluta tiegħu u għalhekk issa s-sagriċċju uman eżeġih sabiex xejn ma jxekklu mid-divertiment u l-konvenjenza tiegħu.
U għalhekk l-ewġenika illum reġgħet magħna. Aħna llum niftaħru li aħna progressivi u ċċivilizzati. X’ġara? L-ewġenika fid-dinja post-moderna m’għandhiex għalfejn tkun imponuta iżjed mill-istat għax issa mitluba mill-konsumatur innifsu u misjuqa minn suq fejn t-trabi issa saru sempliċiment ‘prodott tal-konsumatur’. It-trabi qegħdin hemm mhux fl-aqwa interess tagħhom, jew almenu għall-futur tal-ispeċi umana, iżda sempliċiment għall-gratifikazzjoni tagħna u għalhekk huma daqstant ieħor dispensabbli.
U kulħadd issa kuntent bil-progressiv għax mingħalih għandu l-liberta minkejja li sar skjav; skjav miżmum f’postu mhux bil-moħqrija u l-ħabsijiet, iżda kif kien qal Aldus Huxley b’doża dejjem iżjed qawwija ta’ divertiment personali u aljenazzjoni. Fi kliem ieħor qed ninżammu fi stat perpetwu infantili u għalhekk impotenti u inkapaċi nopponu l-jasar tagħna stess.
Il-kredent tax-xjentiżmu kuntent għax għadu jittama f’futur ilellex, inkluż dak tassew ta’ Frankenstein – dak tat-transumaniżmu – minkejja li l-evidenza traġika kollha tal-istorja.
U l-kapitalist kontent ukoll għax dak fin-natura tiegħu li jbiegħlek li trid; tafux business is business. Is-sagrifiċċji umani għalih huma prezz żgħir, quddiem l-Alla tal-flus. Wara kollox il-kapitaliżmu ‘laissez faire’ tal-lum mhux ukoll proċess Darwinistiku fejn il-kbir jibla’ ż-żgħir f’lotta ta’ survival of the fittest. Mhux din il-bażi tal-ekonomija globalista?
U ejja ngħiduha kif inhi, għalina l-Maltin illum hemm Alla tal-flus u dan huwa aktar importanti minn Alla Bibbliku!
Il-problema hi li qed naraw sal-ponta ta’ mnieħirna – għax hekk jagħmel minn mhux għaqli.
Imma jekk kellna nippruvaw naraw ‘il bogħod, nippruvaw narawx jekk hemmx il-possibbiltà ta’ konsegwenzi mhux intenzjonati, anki jekk biss forsi mill-aspett bijoloġiku jew soċjali, konna nindunaw kemm hu f’waqtu s-saying Ingliżi li the road to hell is paved with good intentions.