L-ewwel mitt jum ta’ Bernard Grech

Minn osservatur politiku

Għadna kif rajna kritika diversa, kemm pożittiva kif ukoll negattiva, għal mitt jum ta’ Robert Abela fil-bidu ta’ din il-leġislatura. Imma ta’ min naraw ukoll kif kienu l-mitt jum tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Bernard Grech għażel mill-ewwel li jixpruna l-ħsieb tiegħu biex jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista allavolja l-istess partit ġarrab l-akbar telfa elettorali mill-Indipendenza ‘l hawn.

Iżda l-ewwel mitt jum tiegħu ser jibqgħu karatterizzati għall-fatt li diversi nies fil-qalba tal-Partit baqgħu jitilqu mill-Partit Nazzjonalista. Rajna diversi eks-kandidati li tkellmu ċar li ħassewhom imwarrba mill-kap tal-partit f’dan il-perjodu qasir ta’ mitt jum. Irridu ngħidu wkoll li fl-ewwel mitt jum telquh ukoll in-nies ta’ fiduċja tiegħu, tant li issa jinsab imneżża mis-segretarjat tiegħu. Dawn abbandunaw il-proġett li seta’ kellu Bernard Grech u ma riedux li jkollhom x’jaqsmu iżjed miegħu. Spikkat ukoll li mhux faċli toqgħod titkellem fuq dixxiplina meta ma tkunx tista’ tattwa kif u fejn trid.

Kellna żewġ stejjer differenti li jinvolvu żewġ sindki waħda tan-Naxxar u l-ieħor ta’ San Ġiljan. Spiċċajna f’sitwazzjoni fejn insiru nafu minn terzi li sindku minnhom ġiet liberata minn kull akkuża imma Bernard Grech baqa’ jirrifjuta li jsemmi dan il-punt.

Il-każ ta’ Joe Giglio wera biċ-ċar li fil-kamp tiegħu Bernard Grech għad għandu diviżjonijiet qawwija. Lanqas laħaq lissen żewġ kelmiet li Joe Giglio ma kellux attakk fuqu mill-fazzjoni favur Daphne Caruana Galizia fil-Partit Nazzjonalista. Ħareġ ċar kemm jiġi jaqa’ u jqum mill-għaqda fil-Partit Karol Aquilina li kif intqal kliem li seta’ instema li kien hemm kritika fuq il-benjamina tiegħu, ħareġ fuq l-attakk mill-ewwel.

Ħaġa oħra li spikkat fl-ewwel mitt jum ta’ Bernard Grech huwa l-vot fjakk li kellu meta tellaq waħdu għal Kap tal-Partit. Il-Partit Nazzjonalista mdorri b’riżultati li jaqbżu id-90% meta l-Kap itellaq waħdu. Rajniha ssir fi żmien Eddie Fenech Adami u konna wkoll preżenti għal meta tellaq waħdu Lawrence Gonzi. Din id-darba l-vot wasal sa ftit iżjed minn 70% li jitkellem waħdu u juri kemm kien hemm kunsilliera li abbandunaw il-vapur ta’ Bernard Grech. Dan huwa riżultat li juri l-firda li għadha teżisti minkejja l-ftaħir tal-istess Bernard Grech li għandu partit magħqud warajh. Diksata oħra fl-ewwel mitt jum tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Anke fl-ewwel mitt jum spikkaw il-gaffes ta’ Bernard Grech. Rajna lil Dr Grech joħroġ ta’ ċuċ meta qal li l-Prim Ministru ma kkonsultax miegħu fuq il-ħatra ta’ Aġent President tal-pajjiż. Korrispondenza mibgħuta lilu mill-Prim Ministru bl-idejn u bil-firma ta’ xi ħadd fid-Dar Ċentrali, intilfet, twarrbet jew tqattat. Li hu żgur li ma nstabitx u spiċċa b’Dr Grech jiżloq fin-nixef.

Kellna gaffe ieħor meta ħareġ ċar li ma kienx qara l-emendi għal-liġi tal-IVF. Fil-fatt talab bi preċiżżjoni fejn kien hemm fil-liġi msemmi l-ittestjar permezz tal-polar body testing. Kellu jkun Dr Chris Fearne li kkwotalu paragrafu u verse fejn kien hemm referenza għal dan l-isttestjar fil-liġi mressqa.

Kellna gaffe ieħor meta Dr Grech qal li l-grupp parlamentari Nazzjonalista kien ivvota favur l-emendi tal-IVF imressqa fil-parlament fl-2018. Fil-fatt il-ġrupp kien mogħti free vote imma xorta vvota kontra. Biddel ukoll il-verżjoni meta qal li lilu ħadd ma talbu l-free vote waqt li kien għaddej id-dibattitu intern fil-Partit Nazzjonalista dwar l-IVF. Kien hemm deputati li qalu li kienu talbu l-free vote bil-miktub, imbagħad Bernard Grech biddel il-verzjoni u qal li ma ntalabx free vote waqt is-siegħat ta’ diskussjoni fil-grupp parlamentari. Fil-fatt il-free vote intalab wara d-diskussjonijiet imma ħafna qabel ma ressqet il-liġi għad-diskussjoni fil-parlament.

Dawn huma ftit togħmiet li ħallilna Bernard Grech fl-ewwel mitt jum tiegħu fil-leġislatura l-ġdida mill-elezzjoni sal-lum. Jolqtuk fin-negattiv. Nisperaw li għall-ġid tal-pajjiż, Dr Bernard Grech ma jibqax għaddej b’dawn in-nuqqasijiet imma jitfa’ rasu hemm kemm għall-ġid tal-Partit u iktar importanti għall-ġid tal-pajjiż.

One thought on “L-ewwel mitt jum ta’ Bernard Grech

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *