“Għax twelidt minn ċelloli difettużi, irrid ngħix b’pensjoni ta’ €456 u għax Nazzjonalista ma jridux jagħtuni ħlas ekwivalenti għall-paga minima.”
Qed inġib din l-istorja ta’ mara li qegħda fuq penzjoni ta’ diżabilita’ severa. Minħabba din id-disabilita’ din il-mara ma tistax taħdem. Lil dan is-sit qaltlu li l-anqas il-paga minima, bħal ħaddieħor li jbati bħala, mhux qed tingħatalha. Dan is-sit mhux ser jidħol f’argument politiku imma din il-mara tħoss li qed issir diskriminazzjoni magħha minħabba li ma hix mal-partit fil-gvern.
Illum din il-mara kull ma qed tieħu hu €456 fix-xahar. Minn dawn il-flus, trid tiekol u tgħix. Qabel dan l-ammont kien iserviha tliet ġimgħat. Issa kollox għola u l-anqas tliet ġimgħat ma qed iservuha. Il-kont tad-dawl, il-kontijiet tal-Melita u tal-mobile waħidhom qed jaslu u qed jieklulha din il-pensjoni. U jekk ma tħallasx il-kontijiet, tkun mhedda li ħa jaqtulha s-servizz. Ma dawn l-ispejjeż għandha spiża ta’ €60 pinnoli fix-xahar għaliex dawn il-pinnoli ma jingħatawx b’xejn mill-Gvern.
Ir-riżultat huwa li din il-mara mhux biss qed tispiċċa bla flus imma l-anqas qed tleħħaq. Hija qalet lil dan is-sit li anki kellmet lill-Prim Ministru u anki lill-Ministru Chris Fearne. Qalet li ilha sentejn tiġġieled imma għal xejn biex tingħata għall-inqas ħlas ekwivalenti għall-minimum wage. B’hekk jekk hemm min qed jaħseb li n-nies sejrin tajjeb, speċjalment iż-żgħir, aħjar jibdel fehmtu. Din il-mara saħqet ma dan is-sit li:
“Hemm min qiegħed fil-faqar u qed jitħalla fil-faqar. Biex tara kif iħalluk fil-faqar dawn nies imma għalihom ok”.
Hi kompliet tgħidli hekk:
“Għalhekk jiena mweġġa’ ġo dal-pajjiż. Issa nies bħali qed ikunu mitqiesa bħala li twielidna minn ċelloli difettużi. Flok għajnuna li għandna bżonn, is-soluzzjoni li qed joffru hija l-eleminazzjoni tagħna billi jridu jgħadduna ta’ mġienen. Finalment dan hu l-messaġġ li qed jintbagħat. Dan hu pajjiż li meta jintqal xi ħaġa li ma ddoqqx widnejn il-gvern, id-diskors jiddawwar kif irid il-gvern. Il-partit fil-gvern għandu ħabta kif idawwar diskors kif jaqbel lilu u din il-ħaġa qedha tweġġgħani wisq għax qed twassal għal ħafna gideb politiku. U sadanittant, il-faqar qiegħed ikompli jikber.
Qed insemmi dan għaliex jien vittma ta’ dan it-tidwir ta’ kliem. Kif spjegajt, jien vittma ta’ inġustizzja. Uffiċjali tal-gvern gidbu miegħi u meta għidtilhom li għandi l-provi jgħiduli imma aħna nitkellmu għalik.
Jiena nieħu 30 pinnola kuljum u fis-7 ta’ filgħodu ġa nkun ħadt 15-il waħda. Imbagħad xi nofs siegħa wara isabbtuni u norqod. Il-professur jgħidli li ma nistax naħdem bil-mard li għandi. Infatti nbati bl-epilepsija. Imbagħad hemm mard ieħor. Jien inbati bil-fibromyalgia. Din hija kundizzjoni li tikkawża ħafna uġiegħ ma’ ġismi kollu. Minħabba fiha jkolli nuqqas ta’ rqad, għejja u problemi emozzjonali u mentali. Minħabba f’hekk nieħu anki l-kalmanti. B’hekk inħossni l-ġurnata kollha għajjiena. Allura anki x-xogħol fid-dar nagħmel kollox bil-mod. Il-bqija nagħmel kif inħossni naqra mhux ħażin u kif ngħejja npoġġi bil-qegħda. Hekk nagħmlu xogħol tad-dar.
Minħabba f’hekk jien qedha fuq penzjoni ta’ diżabilta’ severa. Alla jaħfirlu kien qegħdni fuq din il-penzjoni Dr Vincent Moran wara li dehert quddiem bord. Miegħu kien hemm żewġ tobba oħra.
Issa, meta tela’ l-Gvern tal-Lejber ġab lil dawk li kienu fuq il-penzjoni ta’ diżabilta’ severa jibdew jieħdu il-paga minima. Kienet deċiżjoni tajba. Imma din tidher li mhix għal kulħadd. Basta nagħmlu skemi imma mbagħad nies bħali li suppost jibbenefikaw minn dawn l-iskemi, ‘l hekk imsejħa professjonisti jaraw kif qed iċaħduni minnha għaliex jien mhux Laburista. Mhux ser nidħol fid-dettallji tal-iskużi li ġabu biex ma jagħtunix l-ekwivalenti tal-paga minima. Ma nafx kemm-il darba applikajt. Jiena mlejt il-formola aktar minn darba biex nibbenefika minn din l-iskema imma għax xi raġuni jew oħra, dejjem sabu xi skuża biex jagħtunix dan il-benefiċju.
Darba qaluli li biex tieħu dan il-benefiċju trid tkun persuna li jiskappalek il-pipi. Darba qaluli li trid tkun miġnuna! Huwa ċar li dawn l-iskemi mhux vera qegħdin hemm għal dawk li verament għandhom bżonnhom jibbenefikaw minnhom.
Naf li kulħadd jara tiegħu. Imma jien inħoss li qed inkun abbandunata mill-istat u ma jridux jagħtuni din il-penzjoni għaliex Nazzjonalista. Minn wara l-elezzjoni, dan il-gvern qed jgħaddi romblu fuq kulħadd u l-aktar fuq il-fqir, iż-żgħir u l-batut.
Skużani għax ktibtlek, imma nħossni ħafna muġgħuha u abbandunat.
Grazzi”.
B’hekk anki jekk din il-persuna qegħda fuq il-penzjoni tad-disabilita’ severa u xorta qed tkun imċaħda minn dan il-benefiċċju!