Il-kummissarju tal-etika, George Hyzler jagħmel konferenza li tinvolvi lill-iSpeaker bla ma jistiednu

Waħda mill-aħħar affarijiet li għamel George Hyzler qabel ma jieħu postu fil-qorti tal-Awditjar tal-Ewropa, hi li ħareġ bi proposta għal aktar standards fil-ħajja pubblika.  B’hekk flimkien mal-OECD (Organization for Economic Cooperation and Development) u l-Kummissjoni Ewropea għamel konferenza għal dan il-għan fejn ippreżenta l-proposti tiegħu. Hu stieden lill-membri tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni. Dawk tal-gvern ma marrux. Imma ma stiedinx lill-iSpeaker Anglu Farrugia biex jitkellem. Minflok stieden lil eks-ministru Nazzjonalista Tonio Borg. 

George Hyzler ma jaqbilx li l-kumitat li jirregola l-etika tal-membri parlamentari għandu jibqa’ jitmexxa mill-Ispeaker imma skont Hyzler dan għandu jibda jitmexxa minn eks-imħallef. Ħa ngħid mill-ewwel. Jien ma naqbilx. Il-parlament mhux il-qorti u tkun traġedja jekk il-parlament isir qorti. Ġa kellna l-arbitrarjeta’ ta’ George Hyzler innifsu fil-każ ta’ Rosianne Cutajar.  Fuq dan il-każ tkellimt ħafna fit-tul. Fl-investigazzjoni li għamel, ma investiga xejn fuq l-involviment tar-raġel tal-imħallfa Lofaro.  Issa jrid eks-imħallef jew eks-imħallfa biex imexxi dan il-kumitat.  Skużawni din ġa raġuni valida għala ma naqbilx.  Dan hu kumitat politiku u għandu jibqa’ jservi dan l-iskop. Fuq kollox, għax persuna kienet imħallef jew imħallfa mhux bilfors għandha garanzija ta’ integrita’ u fuq kollox tkun b’mod awtomatiku ċ-chair ta’ dan il-kumitat.

Infakkar li George Hyzler huwa eks-politiku u meta kien fil-politika kellu l-kontroversji tiegħu bħal ma kienet il-bejgħ tal-Posta lil New Zealand fejn Malta tilfet miljuni ta’ ewro.  B’hekk ma narax kif issa jrid jiddetta proċedura. Fuq kollox, jidher ċar li hu ġie promoss fil-qorti tal-Awditjar għaliex kien jagħmel investigazzjoni selettivi fuq il-membri parlamentari. Ghażel lil min jinvestiga u lil min le. Kellu rapporti oħrajn jaħaqru quddiemu u spiċċa ma tterminahomx, jekk qatt investigahom!

B’hekk dan hu attakk ieħor fuq is-sedja jew ejja ngħiduha ċara fuq Anglu Farrugia għaliex xi ħadd, x’imkien ħalef li ma jridux aktar bhala Speaker.  Imma Anglu Farrugia hu Anglu Farrugia. Jekk jispiċċa barra mhux ser imut bil-ġuħ għaliex hu avukat kapaċi!

Imma bħala avukat u Speaker, Anglu Farrugia jrid jimxi mal-proċeduri tal-kamra, xi ħaġa li tidher li ma jridx Hyzler. Anzi Hyzler jidher li jrid kumitat ad hoc immexxi minn eks-imħallef li jagħmilha tal-avukat tal-prosekutur, tal-avukat difensur u imħallef fl-istess ħin!!! Din tgħodd anki għal dawk li qed jinsistu li l-iSpeaker jew dan il-kumitat għandu jinvestiga eks-membri parlamentari. Kif jista’ Speaker jaddotta proċedura kontra eks-membri parlamentari meta l-liġi ma tgħid xejn dwar dan u l-ġurisdizzjoni tal-iSpeaker hija biss fuq il-membri parlamentari u mhux fuq dawk li spiċċaw?

Imma l-aktar ħaġa li tweġġa’ f’dan kollu hija li George Hyzler għamel din il-konferenza u kif ġa għidt ma stiedinx lill-Ispeaker. Hu stieden lil Tonio Borg – u sew għamel – imma għala l-iSpeaker le? F’din il-konferenza, Tonio Borg ikkritika lill-iSpeaker meta dan ma setax jiddefendi ruħu għaliex ma ġiex mistieden.  Imbagħad ħadd ma staqsa għala l-iSpeaker ma kienx preżenti għal din il-laqgħa?  Nistaqsi lil dan il-kżar tal-etika fejn hija l-etika f’dan il-każ? Li tagħmel konferenza tajjeb. Li tistieden u ssir kritika tajjeb. Imma mbagħad li ma tistiedinx lill-persuna li hija risponsabbli mill-parlament – jiġifieri l-iSpeaker u li hija suġġett għall-kritika – turi nuqqas ta’ etika min-naħa tiegħek!!!

Tonio Borg għamel referenza għal fatt li meta kien hemm il-każ ta’ Carmelo Abela quddiem dan il-kumitat, l-iSpeaker irrifjuta li jitfa’ l-vot tiegħu u dan wassal għal deadlock.  Bħala avukat, Borg jaf li ma hemm xejn fil-liġi u fl-prassi tal-parlament li tawtorizza lill-iSpeaker biex jitfa’ l-vot tiegħu – meta l-iSpeaker fis-sistema parlamentari tagħna – li hija mibnija fuq dik Ingliża – għandu rowl partikolari u definit tajjeb ħafna. 

Imma naħseb li fl-istorja politika ta’ Tonio Borg hemm ir-raġuni għala eks-imħallfin mhux bilfors denji li jmexxu dan it-tip ta’ kumitat. Ħa nfakkar storja li ġrat meta Borg kien ministru. Dan kien awtorizza li jiġu deportati numru ta’ emigranti li kienu ġew mill-Eritrea biex isibu kenn f’pajjiżna.  Issa l-Eritrea kienet fi gwerra. B’hekk jekk persuna kienet taħrab mill-pajjiż titqies bħala diżertatur u l-piena hija dik tal-mewt. Niftakar li kienet inqalgħet kontroversja sħiħ dwar x’ġara minn dawn l-emigranti hekk kif wasslu l-ajruport u niżlu mill-ajruplan u kien hemm min staqsa jekk ġewx maqtula fuq r-runway jew le.  X’ġara? Tant kienet kbira l-kontroversja li kien tqabbad maġistrat jew aħjar maġistrata biex tagħmel inkjesta fuq din l-istorja. Din kienet il-maġistrata Abigail Lofaro.  Ftit wara għamluha imħallfa u kollox miet fuq ommu!  Din hija l-istess persuna li r-raġel tagħha nqabad fin-negozju ma’ Yorgen fenech u George Hyzler l-anqas biss indenja jkellmu. 

Nifhem li l-politiċi mhux qaddisin, imma naħseb li hemm bżonn ta’ aktar etika minn kulħadd, inkluż minn min iridha tal-kżar tal-etika!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *