Skont Yorgen Fenech, l-ispettur Keith Arnaud kien qed jillikja t-taħdidiet ta’ Arthur Azzopardi mal-pulizija lil Keith Schembri

Ilbieraħ, il-media tat spin lil dak li qal Arthur Azzopardi lill-Reuters. Jacob Borg tana dettallji dwar x’qal dan Arthur Azzopardi, jiġifieri li kien qed jibża’ jagħti informazzjoni lill-pulizija għaliex kien hemm min qed iwassal jew joħroġ din l-informazzjoni. Imma Arthur Azzopardi ma qalx min kienet din il-persuna fil-korp li kienet qed toħroġ din l-informazzjoni.  Biss Arthur Azzopardi qal dettall importanti li informazzjoni dwar dati ta’ meta kienu ser ikunu arrestati l-aħwa Degiorgio kienu ġew leaked.

U hawn fejn qegħda l-ipokrezija tal-media.  Din l-informazzjoni ġa ngħatat fil-qorti taħt ġurament minn Yorgen Fenech innifsu, ħafna xhur ilu fil-qorti fil-kawża li kien għamel biex Keith Arnaud ma jibqgħax fuq l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Imma ħadd ma rrapportaha.  Quddiem l-Imħallef Wenzu Mintoff, Yorgen Fenech qal ċar u tond li kien l-ispettur Keith Arnaud li kien jgħaddi l-informazzjoni ta’ dak li jkun ser jiġri inkluż dwar arresti etc lil Keith Schembri. Dejjem skont Fenech, Arnaud kien jibgħat text messages lil Keith Schembri u Keith Schembri kien juri dawn it-text messages lil Yorgen Fenech. Ma għandix dubju li l-media indipendenti taf b’dawn id-dettalji imma qatt ma tkellmet dwarhom. Fix-xhieda tiegħu lill-Imħallef Mintoff, Yorgen Fenech anki semma’ x’kien qed jgħid u jagħmel Arthur Azzopardi, inkluż it-taħdidiet li Arthur Azzopardi kien qed ikollu ma’ Keith Arnaud rigward il-klijent tiegħu Vince Muscat il-Koħħu li ammetta l-involviment tiegħu f’dan id-delitt.

Nixtieq nemfasiżża li Yorgen Fenech qal taħt ġurament li ra messaġġi li Keith Arnaud kien jibgħat lil Keith Schembri fuq il-mobile tal-istess Kieth Schembri, għaliex Keith Schembri nnifsu kien jurihomlu.  Fost il-messaġġi mingħand Keith Arnaud, dejjem skont ma’ qal Yorgen Fenech kien hemm wieħed dwar meta ikunu ser jiġu arrestati l-aħwa Degiorgio u anki Vince Muscat il-Koħħu.  Qed nirriproduċi dak li Yorgen Fenech qal taħt ġurament fix-xhieda tiegħu lill-imħallef Wenzu Mintoff:

Mela dak li qal Yorgen Fenech taħt ġurament hu minnu għaliex issa ġie ikkonfermat minn Arthur Azzopardi nnifsu.  Dak li jrid jingħad li l-investigazzjonijiet tal-pulizija dejjem għamilhom Keith Arnaud u dan ilu hemm mill-bidu ta’ dan id-delitt fuq dawn l-investigazzjonijiet.

Mela veru dak li qal Yorgen Fenech lill-imħallef Mintoff li l-pulizija kienet qed tgħaddi informazzjoni sensittiva, inkluż informazzjoni dwar raids fuq terzi qabel dawn ikunu qed jiġu mwettqa’ mill-istess pulizija inkonnessjoni ma’ dan id-delitt!  Il-persuna li kien qed jgħaddi din l-informazzjoni, dejjem skont Yorgen Fenech, huwa Keith Arnaud.  Infakkar li l-mobile ta’ Keith Schembri li skont Yorgen Fenech kien fih dawn il-messaġġi mingħand Keith Arnaud, qatt ma nstab jew inġabar mill-pulizija!

Fuq kollox, Yorgen Fenech kien jaf bit-taħdidiet li Arthur Azzopardi kien qed ikollu ma’ Keith Arnaud biex il-klijent tiegħu, Vince Muscat il-Koħħu, jingħata proklama u dwar affarijiet oħra relatati mad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.  Hawn qed inġib it-tweġibiet ta’ Yorgen Fenech għall-mistoqsijiet tal-avukata Dr. Marion Camilleri.

Possibli l-ġurnalista ta’ Reuters ma kienx jafx dawn id-dettalji li x-xhud, jiġifieri Yorgen Fenech, kien qed jgħid lill-qorti?  Possibli li Jacob Borg dawn l-affarijiet ma jafx bihom u ma qalhomx lill-ġurnalist ta’ Reuters?!  Jew forsi ser nisimgħu dwarhom f’xi episodju ieħor?

Dak li jolqtok f’din l-istorja kollha li Arthur Azzopardi ma kellux il-kuraġġ jgħid l-isem tal-persuna li kien qed jikxef kollox.  Min-naħa tiegħu, Yorgen Fenech, taħt ġurament semma l-isem li skont hu kien qed joħroġ l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni fuq id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia, jiġifieri l-eroj ta’ Matthew Caruana Galizia, is-supretendent Keith Arnaud.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *