Aktar dwar il-laqgħat li Bernard Grech qed ikollu mad-deputati fid-Dar Ċentrali
Waħda mill-kwalitajiet ta’ kap hi dik li jġib ruħu ta’ missier u jqies l-uliedu kollha l-istess u jimbutthom ‘il quddiem indaqs. Dan mhux qed nġħidu jien. Dan qalu l-ħassieb Ingliż li madwaru jdur il-ħsieb konservattiv, jiġifieri Edmond Burke. Bħal missier ta’ familja, kap irid jagħmel ħiltu kollha li jgħaqqad lill-familja tiegħu u jekk ikollu l-inkwiet, jitfa’ l-isforzi kollha tiegħu fuq dawk iż-żewġt aħwa li jkun hemm diżgwid bejniethom.
Għall-kuntrarju Bernard Grech, forsi minħabba nuqqas ta’ esperjenza jew għax mhux imħarreġ fil-ħsieb politiku, m’għarafx dawn il-kwalitajiet u minflok ħaseb li jista’ jirrenja billi jagħżel lil min irid hu, billi jifred u jsaltan u billi jaħbi lil min idejqu jew lil min jista’ jkun ta’ sfida għalih u jimbotta lil min jinkina quddiemu.
Għax ngħiduha kif inhi, hemm min għamel sajf sħiħ tas-sena 2020 jaħdimlu biex isir kap u spiċċa mkeċċi jew imwarrab u llum ma jarax għajn m’għajn miegħu. Imma f’pożizzjoni bħalma qiegħed fiha Bernard Grech u kull kap ieħor, irid jifhem li kull azzjoni għandha reazzjoni. Dak li hu żgur li Bernard Grech ma għarafx dan. Illum qed jinduna li ma jista’ jreġġa l-arloġġ lura.
B’hekk jista’ mhux idum ilaqqa’ d-deputati fl-uffiċċju tiegħu għax min laqqatha mhu se jaħfirilu qatt. Dan kien jgħid fi ċrieki żgħar li fil-parlament itella’ lil min irid hu, billi fil-pubbliku jwassal messaġġ ċar lill-udjenza, billi lill-magħżulin isejħilhom b’isimhom quddiem kulħadd.
Min jaf, anki fi żmien il-kampanja elettorali, meta kien jasal taħt it-tinda kemm sellem biss lil dawk il-kandidati li ried li jitilgħu fl-elezzjoni ġenerali u attaparsi ma rax lil xi wħud li kien jaqbiżhom intenzjonalment. Sa ċertu punt din l-istrateġija ħadmet għax irnexxielu jħalli xi uħud barra mill-parlament. B’hekk l-għajta ta’ uċuħ ġodda rajniha sseħħ. U minn “primi donni” spiċċajna b’deputati bla stoffa. Araw ċertu diskorsi u Pq’s u atteġġjament ta’ uħud minnhom u tkunu tafu.
Araw id-differenza fil-kumitati minn dawk ta’ qabel. Dawn id-deputati novizzi moħħom biss kif u fejn jistgħu jidhru. Hemm minnhom li fit-3:15 pm ġa jkunu l-Parlament speċjalment meta jkollu diskors Grech biex jidhru warajh u jkunu jistgħu jidhru fuq l-istazzjon tal-parlament. Xi ħlew!
Il-biċċa l-kbira tad-deputati qatgħu lura. Mhumiex lesti jqattgħu ħin minn ħajjithom f’dan l-ambjent tossiku li issa skala żżejjed. Għax flok jara kif se jġib lura l-merħla, Bernad Grech il-ħin kollu jgħid li hu ma jħobbx ifissed nies. Deputat fil-privat qalli “Ara għandix bżonn il-fsied tiegħu!”
U din l-imġieba ma tgħinx f’ambjent fejn fejn il-baħħ u s-silenzju jispikka għax m’hemm ħadd, ħlief Bernard Grech idur minn kamra għall-oħra. Għax għal kull azzjoni hemm reazzjoni u dan hu dak li ma rax qabel l-elezzjoni ġenerali Bernard Grech! Qabel l-elezzjoni, Bernard Grech kien ġa għamilha fatta li kien ser ikun prim-ministru u ġa kien beda jhedded lil xi wħud li jekk ma jobbduhx ma jpoġġihomx ministru!
Apparti l-preferenzi mal-kandidati, spikka n-nuqqas ta’ maturita’ mit-tmexxija. Azzjonijiet sfaċċati f’wiċċ numru ta’ deputati u kandidati u meta xi ħadd kien jiġbdilhom l-attenzjoni ta’ x’kien qed jagħmilhom Bernard Grech, kienu jibqgħu iħarsu lejk. Hemm ħafna xi tgħid dwar il-kampanja elettorali li għaddiet li ġabet firda kbira fost il-kandidati, imma nħallu dawn l-istejjer għal aktar ’il quddiem.
Illum ser insemmi punt wieħed. Fost dawk li ħadmu fil-kampanja elettorali nsibu lit-tifel tal-kap stess jiffilmja waqt l-attivitajiet tal-kampanja, lil waħda mill-kandidati li missieru kien qed jimbotta. U issa biex iraqqa l-pannu bil-qargħa aħmar qed jipprova jibni pond l-aktar ma’ dawk li ma jarax għajn magħhom qabel l-elezzjoni u xorta tellgħu fil-Parlament. B’hekk beda jlaqqa’ gruppi żgħar ta’ deputati fl-uffiċċju tiegħu. Bħal tfal tan-nuna, dawn ikunu mistoqsijin minnu kemm għamlu Pq’s u meta tkellmu l-aħħar fil-parlament fost affarijiet oħra. Il-pjan kien li jiltaqgħu kull ġimgħa ma’ gruppi differenti ta’ deputati, imma dawn id-deputati ġa wasslilhom messaġġ biex jaqbżu l-ġimgħa d-dieħla. Xi wħud li tkellmu ma’ dan is-sit ħadu n-nifs, għax ta’ l-inqas jippreferu jmorru siegħa u nofs il-baħar milli jattendu laqgħa bla ebda skop ta’ xejn u ħela ta’ ħin.
Fil-bidu, għal dawn il-laqgħat, kien attenda kulħadd (kif ġa rrapporta dan is-sit). Imma fit-tieni ġimgħa, bdew imajnaw mill-attendenza. B’sarkażmu wieħed mid-deputati qal lil waħda mid-deputati li issa żmien ta’ mistrieħ, baħar, camping, BBQs u festi. Min jaf qalhiex b’sarkażmu?! Id-deputata tbissmet.
Għax dak li jiġri meta tispiċċa ġġorr barmil ilma waħdek. U f’dan ix-xenarju suppost titgħallem tibża’ għal kull qatra, anzi titgħallem tibża’ għall-valur ta’ kull qatra. Fil-verita’ Bernard Grech ma tax każ li qed jitlef tant qtar u nduna biss meta żelaq. Għax dak li jiġri meta fil-verita’ l-ikbar prima-donna tkun int.
Ħafna minn dawk li Bernard Grech kien iħobb isejħilhom primi donni llum sparixxew, għalkemm għad għandhom min jirrappreżentahom fil-grupp parlamentari preżenti. Fi kliem ieħor għad hemm preżenza tal-ispokesperson tagħhom. Madanakollu ż-żgħar, bla esperjenzi, li normalment tarahom jieħdu r-ritratt ma’ xi figolla jew ma’ xi qagħqa tal-apposti, weħħlu fl-ewwel test… u spiċċaw biex ġa nitnu qabel ma’ bdew!