Bernard Grech qed jikkummenta fuq emendi fil-liġi tal-IVF li ma qarax
The Times tatna l-aħbar li Bernard Grech tkellem bit-telefon fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista biex jgħid li l-emendi fil-liġi tal-IVF ma għandhomx x’jaqsmu mal-abort. Din l-aħbar ingħatat prominenza mis-Sunday Times li ħarġet taqbeż għal Grech.
Dak li jrid jingħad huwa li Bernerd Grech mar il-Parlament l-Erbgħa li għadda u vvota fuq emendi tal-liġi li l-anqas hu stess ma qara. Dan ħareġ ċar matul id-diskussjonijiet kollha li kien hemm fil-parlament fuq dawn l-emendi li Bernard Grech ma qarax l-emendi għal-liġi. Dan mhux qed ngħidu jien. Dan spiċċa qalulu wieħed mid-deputati tal-Gvern, jiġifieri Randolph Debattista. U dan qed joħroġ mill-fatti kull darba li qed jitkellem fuq din il-liġi.
Kif persuna tista’ tixpruna lid-deputati biex jivvutaw mal-gvern fuq emendi għal-liġi li ma jkunx qara? Minflok ma ta ħasla lill-gvern għaliex kellu jagħmel dawn l-emendi f’din il-liġi minħabba li l-istess gvern kien biddel liġi tajba li għadda il-PN fl-2012 biex għamel waħda li ma hi tajba xejn, tant li kellu jmur quddiem il-parlament biex jemenda, spiċċa jaqbel mal-gvern! U kif kap tal-oppożizzjoni jista’ jitkellem li din mhix liġi abortiva meta l-anqas qraha?
Jekk wieħed iħares lejn il-kummenti tan-nies taħt l-artiklu f’The Sunday Times fejn fih Bernard Grech qed jgħid li din mhix liġi abortiva, jinduna li ħafna min-nies ma qablux miegħu. Fuq kollox anki l-Knisja kellha tiftaħ ħalqha. Wara li l-media tal-Knisja ppruvat b’kull mod tgħin lil Grech, l-arċisqof induna li ser jispiċċa jixkana għall-wiċċu. B’hekk fl-omelija tal-Ħadd, l-arċisqof kellu jitkellem fuq dawn l-emendi u fejn is-soltu, il-media ma tgħidilna xejn dwar l-omelija tal-arċisqof, din id-darba The Sunday Times tagħmilha bħala parti mill-aħbarijiet tagħha tal-Ħadd. U x’qal l-arċisqof? Li mhux kulħadd jitwieled perfett, imma kompla li dan ma jfissirx li min mhuwiex perfett niskartawh. Fil-fatt kompla jgħid li “Id-dar tal-Providenza hija monument ta’ kultura li tgħid: dawk ħutna, mhumiex skart, se nieħdu ħsiebhom; la npoġġuhom fil-friża u lanqas noqtluhom. Allaħares”. U ngħid jien niskartawhom u noqtluhom mhux ewfemiżmu għall-kelma abort?
B’hekk jgħid x’jgħid Bernard Grech u kull min qed jipprova jiddefendi għemilu jew il-vot tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li b’dawn l-emendi li għaddew qed issir differenza bejn l-aħwa għax embrijun jintagħżel u l-ieħor jew l-oħrajn jiġu skartati jew friżati in eternum. Mela nutli jmur fuq ir-radju Bernard Grech u jwieġeb mistoqsijiet biex jiddefendi għemilu meta l-ewwel li kellu jagħmel, qabel ma jivvota fuq dawn l-emendi għal din il-liġi kien dak li jaqraha. B’din l-azzjoni qed issir differenza bejn embrijuni ħajjin li ser ikun hemm minnhom li jiġu plantati u oħrajn li jiġu skartati jiġifieri abortiti meta suppost għall-partit Nazzjonalista, l-ebda ħajja ma hi għall-iskart jew għall-friża.
Mhux billi jgħid Dr Bernard Grech li l-Partit Nazzjonalista stinka biex daħħal aktar emendi għax fil-liġi kif għaddiet hemm il-possibilita’ ta’ testijet fuq il-bajda tal-mara. Fuq kollox, ma qalilniex x’inhuma l-emendi li daħħal l-gvern fuq l-inizjattiva tal-PN. Mela ma jippruvax ibellagħhilna li għamel xi ħaġa għal ġid għax prova jirfina waħda mill-emendi. Dak li kien oġġezzjonabli baqa’ l-istess għax, bl-emendi u mhumiex tal-Partit Nazzjonalista (jekk qatt ġew addottati), xorta ser jibqgħu jsiru testijiet fuq l-embrijuni li wieħed minn kull ħamsa minnhom jispiċċa maqtul. Mela fejnhom il-prinċipji tal-PN?
Mela dan huwa xorta attakk fuq il-ħajja. Fundamentalment dik l-emenda partikulari baqgħet hemm u allura xorta ser isiru l-esperimenti fuq l-embrijun li ser jirriżultaw ukoll fi qtil ta’ embrijun. Mela għalfejn qed jiftaħar bl-emendi Dr Grech meta jaf li t-testijiet fuq l-embrijuni li huma l-aktar oġġezzjonabbli baqgħu hemm?
Nerġa’ nirrepeti li t-testijiet fuq il-bajda tal-mara hemm kienet u hemm baqgħet. Dan ikompli jikkonferma dak li qallu Randolph Debattista li Bernard Grech lanqas biss qara l-liġi u anki wara li ħa l-vot baqa’ ma qrahiex biex wasal biex jiftaħar li daħħal xi ħaġa li diġa’ kienet hemm. Dr Bernard Grech aħjar wieġeb għaliex bil-vot fuq l-IVF u l-emendi mressqa mill-Gvern, ta palata tajba lill-istess Gvern.
Flok irrifletta fuq l-istatut tal-Partit Nazzjonalista li jiddikjara b’mod mill-iktar skjett li l-partit jemmen fil-ħajja mill-konċepiment sal-mewt naturali, mar ħa pożizzjoni bħal dik tal-Gvern. Diġa’ qed nisimgħu fuq il-mezzi soċjali li hemm nisa li jbatu minn mard li mhux wieħed minn dawk it-tmienja msemmijin. Imma qed iqawwu qalbhom li fil-futur qarib jistgħu jiddaħlu mard ieħor biex jiġi ttestjat. Imbagħad x’ser jgħid Dr Bernard Grech meta s-sitwazzjoni tirreduċi ruħha f’għażla bejn il-perfett u inqas perfett? Ser jaqbel ukoll ma dan? Imma la sar l-ewwel pass ta’ permess ta’ ttestjar, il-liġi malajr tista’ tkun mibdula biex jiddaħħlu testijiet iktar għal mard iktar komuni. Allura naslu biex mingħalina nagħmlu għażla għall-perfezzjoni u lil min mhux perfett niskartawh jew ngħidulu aħjar noqtluh għax difettuż, mingħajr ma qed inqiesu konsegwenzi oħra li jista’ jkun hemm marbuta ma’ dan l-ittestjar.