Il-bżonn tad-djalogu f’soċjeta’ fejn il-poter qed jirbaħ fuq kollox

Qed inġib video li tella’ Edwin Vassallo bi preparazzjoni għal-laqgħa li jrid jagħmel għada t-Tnejn fil-Mosta. F’dan il-video, Edwin Vassallo qed juri kif tassew jista’ jkollna djalogu. Fuq kollox, huwa jitkellem fuq il-fatt li jeħtieġ li jkollna politika msawra fuq djalogu sinċier u mhux politika magħmula bil-mistoqsijiet “planted” jiġifieri mistoqsijiet ġa maħsuba u rranġati minn qabel.

Dak li għandna bżonn huwa djalogu sinċier u miftuħ. Djalogu li fih napprezzew d-diversita’ u mhux, f’isem id-diversita’, neliminaw kull diversita’ kif qed jagħmlu il-partiti il-kbar. Irridu nuru kif tassew jista’ jkollna politika min-nies għan-nies. Dan irid isir bl-onesta’ u sinċerita’ u fuq kollox b’kuraġġ. Fuq kollox, irridu neħduha kontra l-akbar marda li għandna f’dan il-pajjiż, dik tal-aljenazzjoni.

Fejn hawn min jaqbillu jibqa’ sieket jew meta argument ma jkunx jaqbel mal-ħsieb tiegħu, minflok jiddibatti l-argument, kif ġara l-bieraħ wara li tellajt dak il-post tas-sinjura Paris, jispiċċa jattakka lill-persuna għaliex hija tar-River of Love, għaliex ħarġet mal-Partit ABBA jew għaliex hija anti-abortista. Jien ma jienx mar-River of Love, u meta kien hemm bżonn nitkellem kontra tkellimt. Imma wieħed irid jattakka l-argument u mhux il-persuna. U mbagħad, l-uniku argument li s’issa nġieb huwa li l-emendi tal-IVF kienu fil-programm elettorali u b’hekk kull deputat Laburista kellu l-obbliġu jivvota favur. Biss l-estenzjoni tal-mużika fil-Belt Valletta sas-siegħa ta’ filgħodu ma kienetx fil-programm elettorali imma kull deputat ġie obbligat, mill- gvern biex jivvota favur din il-legal notice.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, hu importanti aktar minn qatt qabel li nies jiddjalogaw. Id-djalogu jeħtieġ jibda u jitkompla. Min hu b’saħħu ma jistax jagħmel kif qed jagħmel mal-embrijun u jipprova jsikket lin-nies. Fi kliem ieħor, l-argument li qed jingħad li dawn huma biss tliet ċelloli bla sinifikat hu argument qadim daqs il-brodu. Dan l-argument kien jintuża fil-passat għal dik il-kategorija ta’ nies li ma kellha xejn. Dawn kienu deskritti minn dawk b’saħħithom bħal dawn it-tliet ċelloli jiġifieri kienu mitqiesha bħala “nobody” jew nies li ma huma xejn u b’hekk ma kienetx problema li jkunu eliminati!!!

Illum qed ngħixu f’dinja fejn qed isiru aktar importanti lin-nies jitkellmu għaliex jekk ser jibqgħu siekta, ser jiġrilhom bħal dawn it-tliet ċelloli. Jibdew jitqiesu diffettużi u insinifikanti. Il-poter akkost ta’ kollox qed jirbaħ fuq kull interess tal-poplu. Sadanittant, kulħadd hu aljenat u jaħseb li qatt ma hu ser jingidem.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *