Is-sentenza tal-qorti fir-rigward tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma: x’ser jagħmel issa l-Partit Nazzjonalista?
Minn osservatur politiku
B’sentenza fil-qorti, l-Imħallfa Anna Felice ddikjarat li żewġ klijenti tal-ARMS ġew misruqa mill-istess ARMS. Minn dan wieħed jista’ jikkonkludi li l-ARMS ilha tisraq lill-poplu għal numru ta’ snin. Il-mod kif kienu u għadhom jiġu kompjutati l-kontijiet ta’ kull residenza huwa ħażin u b’dan il-mod il-poplu kollu qed jinsteraq.
Issa s-sitwazzjoni hija tali, li dawn in-nies li resqu l-qorti ser jitħallsu skond is-sentenza tal-istess qorti. Imma b’din id-deċiżjoni joħroġ ċar li bla dubju jeżistu ħafna iżjed residenti li ġralhom l-istess. Mela jekk hemm xi pagamenti li għandhom jingħataw lura, għandhom jingħataw lil kulħadd.
Imma mid-dehra d-deċiżjoni tal-awtoritajiet hija ndikata li mhux ser isiru pagamenti b’lura. La din id-deċiżjoni ħolqot preċedent, x’irid jagħmel il-poplu ġenerali biex jieħu flusu lura jekk ġaladarba ġie misruq minħabba s-sistema ta’ kompjutazzjoni tal-kontijiet? Irid kull individwu jieħu lill-ARMS, allura lill-Gvern, il-qorti?
Din ma tagħmilx sens u ma għandiex tkun l-uniku triq biex il-poplu jieħu flusu lura. Hawnhekk wieħed ta’ min isemmi li ftit tas-snin ilu kellna sitwazzjoni simili ħafna. Kellna numru imdaqqas ta’ cittadini Maltin u Għawdxin li kienu nsterqu fuq ix-xiri tal-karozzi. Dak iż-żmien dawn iċ-ċittadini kienu imġiegħla jħallsu VAT miżjud fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi. Dak in-nhar kien hemm żball tali li dawn is-sidien ġodda tal-karozzi kienu ġew misruqa ħlas żejjed li kien jirrifletti double taxation galor.
Ta’ min wieħed ifakkar li dak iż-żmien kien hemm Joseph Muscat fl-Oppożizzjoni. Huwa kien għamel kapital politiku minn dik is-sitwazzjoni. Huwa kien ħaddem rasu b’tali mod li ġabar dawn is-sidien kollha tal-karozzi u talabhom jagħtuh l-informazzjoni kollha meħtieġa biex meta jieħu l-Gvern hu kien lest li jħallashom flushom misruqa lura. Niftakru kjuwijiet twal ħdejn il-kwartieri tal-Labour fil-Ħamrun biex il-Partit Laburista jiġbor l-informazzjoni neċessarja biex meta jkun il-waqt jħallas lura l-ammont kollu misruq. Irridu nfakkru wkoll li Joseph Muscat kien żamm kelmtu għax meta ħa l-Gvern kien tahom flushom lura.
Fejnu l-Partit Nazzjonalista fuq il-problema kurrenti tal-ARMS? Xi erba’ snin ilu, David Agius kien għamel riċerka u talab anke l-kontijiet biex ikun jista’ jiċċekkjhom u jaħdimhom kif suppost. Agius kien sab ħafna żbalji fil-kontijiet ta’ dawk il-mijiet li kienu preżentawlu l-kontijiet tagħhom. Kien għamel ħafna dikjarazzjonijiet biex jikkonferma dan kollu. Saħansitra l-Partit Nazzjonalista fl-oppożizzjoni kien wiegħed li jekk jitla’ fil-Gvern kien lest li jagħtihom lura l-flus kollha misruqa.
Imma llum x’qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista? Issa għandu deċiżjoni tal-qorti li jekk xejn ħolqot preċident importanti ħafna. Kif ser jorganizza ruħu l-Partit Nazzjonalista? X’ser iwiegħed lill-poplu misruq? Ser ikompli jiġbor informazzjoni dwar kontijiet maħduma ħażin ħalli jipprepara ruħu għal meta jieħu l-Gvern? Ser jagħmel bħal Joseph Muscat li kien ġabar ħafna nies li mingħajr ebda dubju kienu tawh il-vot tagħhom meta kienu jafu li ser jieħdu flushom lura?