Fil-Kanada, Is-suldati rġiel jistgħu jibdew jilbsu l-blawsijiet u d-dbielet.
Minn Romegas
Fil-Punent, donnu ma fadal l-ebda istituzzjoni la ma nħakmitx mill-kult tal-woke.
Il-Ministeru tad-Difiża Kanadiż għadu kif ħabbar regolamenti ġodda dwar l-uniformijiet militari. Taħt dawn ir-regolamenti ġodda is-suldati jistgħu:
Itawlu xagħarhom kemm iridu sakemm jiġbruh f’toppu.
Jiżbgħu xagħarhom f’liema kulur li jixtiequ anki dawk mhux naturali bħal ma hu l-vjola jew l-aħdar, iżda din ir-regola hija waħda kundizzjonali. Din hija permessa biss fejn ma tistax tikkaġuna problemi operazzjonali, ngħidu aħna xi kulur jgħajjat li jaf jiġbed l-attenzjoni tal-għadu fil-kamp tal-battalja u għalhekk f’każijiet ta’ operazzjoni militari dawn l-individwi huma mħeġġa jiddiskutu l-kulur ta’ xagħarhom mal-leaders tagħhom u jekk hemm bżonn jieħdu miżuri addatati, ngħidu aħna jgħattu rashom b’xi xalla.
L-aktar miżura kontroversjali kienet dik li issa tippermetti l-irġiel jilbsu l-blawsijiet u d-dbielet li s’issa setgħu jilbsuhom biss in-nisa. Hawn mhux qed nitkellmu fuq il-famuż kilt Skoċċiż, iżda letteralment dbielet tan-nisa. Min jaf, forsi minn hawn u ftit ieħor jippermettulhom ukoll biex jilbsu t-tkaken għoljin u dwiefer artifiċjali u dan jistgħu jagħmluh dejjem wara li jiddiskutu mal-leaders tagħhom qabel ma jmorru fuq xi missjoni militari.
Il-Ministeru tad-Difiża ddefenda ruħu kontra l-kritika billi stqarr li l-armata Kanadiża kellha taġġorna ruħha, billi tippromwovi aktar id-diversità u l-inklużjoni u li għandha tirrifletti aktar mill-qrib is-soċjetà li sservi.
Ma nafx, imma fil-militar l-iskop tal-uniformi dejjem kien biex jinforza l-ugwaljanza u l-anonimità u jirrinforza l-ħsieb li kulħadd huwa parti minn organu wieħed li fi żmien ta’ gwerra jaħdem bħal magna, daqs li kieku kien organiżmu wieħed. Bl-istess raġunament tal-Ministeru tad-Difiża kanadiz, fit-timijiet tal-futbol għandna ukoll daqt naraw plejers lebsin id-dbielet u l-blawsijiet.
Ma nafux x’inhi r-reazzjoni tar-Russi jew taċ-Ċiniżi għal dawn l-iżviluppi. Ma nafux jekk humiex jgħoxew bid-daħk jew humiex qed jissuspettaw xi raġuni ulterjuri.
Wara kollox il-Ġeneral Wellington kellu dan xi jgħid dwar it-truppi tiegħu fil-gwerra Peninsulari ġewwa Spanja:
“‘I don’t know what effect these men will have upon the enemy, but, by God, they frighten me”.