Tonio Borg juri fil-miftuħ li ma jaqbilx ma’ Bernard Grech
Tonio Borg, eks-viċi kap tal-Partit Nazzjonalista u eks-viċi Prim Ministra kiteb artiklu fil-gazzetta “Il-Leħen” biex juri d-dissens tiegħu mal-pożizzjoni li ħa Bernard Grech. F’artiklu li jismu “Liġijiet Perikolużi”, Tonio Borg jgħid li dawn l-emendi li qed jipproponi l-Gvern u li dwarhom jaqbel Bernard Grech huma perikolużi. Skont Borg, il-veru periklu ta’ din il-liġi huwa fil-fatt li hija waħda li tiddisrispetta l-ħajja umana. Dejjem skont Borg, din hija liġi li tagħmilha ta’ mħallef ta’ min jgħix u min imut jew min jiġi ffriżat għal dejjem.
B’hekk Tonio Borg huwa ieħor fil-lista ta’ persuni li qed jiktbu jew jitkellmu dwar il-periklu ta’ din il-liġi. Infakkar li Tonio Borg huwa wkoll membru tal- Esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Bħal Edwin Vassallo, u numru ta’ deputati Nazzjonalisti, dan qiegħed jieħu jieħu pożizzjoni fil-beraħ kontra Bernard Grech.
Tgħid issa Bernard Grech ser jibda jara kif jieħles minn Tonio Borg u ser jara kif isikktu? Qed ngħid dan għaliex issa ħareġ ċar li Bernard Grech huwa persuna li jekk xi ħadd ikollu opinjoni differenti minn tiegħu, dak ix xi ħadd ma jibqax validu. B’hekk dik il-persuna ma tibqax tajba biex taħdem miegħu.
Kif ġa ġie rrappurtat f’dan is-sit, il-biża’ ta’ Bernard Grech li ma jsejjaħx laqgħa tal-group parlamentari hi li jekk jagħti l-free vote, hu ser jispiċċa f’minoranza. Dan ikun ifisser li jitlef l-awtorita’ tiegħu marbuta mal-pożizzjoni li għandu bħala kap tal-Partit Nazzjonalista. Imma minħabba d-dissens kbir li kkrea fil-Partit Nazzjonalista, ġa tilef l-awtorita’ morali li għandu bħala kap.
