Carm Mifsud Bonnici jgħid li ma setax ikun fil-parlament biex jivvota kontra l-emendi fl-IVF minħabba li jinsab kwarantina.

Dan hu l-post li tella’ Carm Mifsud Bonnici fuq Facebook fejn jingħaqad ma’ dawk id-deputati Nazzjonalisti li llum ivvutaw kontra l-emendi tal-IVF fil-Parlament.

Sfortunatament bħalissa ninsab pożittiv għall-Covid-19, u għalhekk ma setax ikun possibli għalija li nkun preżenti llejla fil-Parlament. Madanakollu, qiegħed nagħmel din id-dikjarazzjoni mill-aktar ċara sabiex ningħaqad ma’ dawk li fil-libertá tal-kuxjenza tagħhom iddeċidew li jivvutaw kontra dan l-abbozz. Il-pożizzjoni tiegħi sa minn dejjem kienet ċara u konsistenti fil-Grupp Parlamentari.

Dawn l-emendi ma humiex favur il-ħajja. Anzi, dawn huma emendi li jippermettu l-ittestjar tal-ħajja, liema testijiet iwasluna niddeċiedu min se jitwieled, u min le, u għalhekk min se jintesa għall-eternitá fi friża, imneżża’ minn kull dinjitá, emarġinat u skartat (skont id-diskrezzjoni tal-Awtoritá). Il-Preimplantation Genetic Testing iwassal l-idea li dawk li għandhom xi kundizzjoni ġenetika partikolari, liema lista ta’ kundizzjonijiet ‘il quddiem tista’ titwessa, għax il-bieb infetaħ, m’ għandhomx ikollhom id-dritt tal-ħajja. Din toħloq perspettiva perikoluża fejn inwarbu dak li f’ għajnejna huwa “difettuż”. Filfatt, se tibdel ukoll il-mod ta’ kif aħna nħarsu lejn dawk diġá mwielda, u li għaddejjin minn realtajiet simili.

Nixtieq ukoll nispjega li quddiem dan kollu għażilt li ma nitniżżilx fl-Aġenda Parlamentari bħala skużat, iżda bħala assenti. B’ hekk mill-pożizzjoni li qiegħed fiha nisħaq mingħajr ambigwitá fuq in-nuqqas ta’ qbil tiegħi.

Grazzi,

CARMELO MIFSUD BONNICI MP

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *