Bernard Grech baqa’ jirrifjuta li jsejjaħ laqgħa tal-grupp parlamentari biex ma jagħtix free vote anki jekk saru talbiet għal dan il-għan.
Illum għandu jittieħed dan il-famuż vot fuq l-emendi fil-liġi tal-IVF. Dan l-abbozz jinsab fit-tielet qari. Nispera li dawk id-deputati Nazzjonalisti li huma kontra dawn l-emendi jitolbu għal division. Dan ikun ifisser li l-Ispeaker ikollu jistaqsi lid-deputati kif ser jivvutaw u kull wieħed irid jgħid jekk jaqbilx ma’ dawn l-emendi jew le. Illum hu kkonfermat li hemm numru ta’ deputati min-naħa tal-Oppożizzjoni li ma humiex ser jimxu mal-linja tal-kap tal-Oppożizzjoni u jivvutaw favur dawn l-emendi. Biss dawn irid ikollhom il-kuraġġ li juru dan b’mod b’saħħtu fil-Parlament.
Imma dak li ħareġ sorpriża huwa li anki l-gvern għandu diffikultajiet għaliex kieku kien jgħajjat division it-Tnejn li għadda, aktar u aktar meta l-Oppożizzjoni tinsab maqsuma fuq din il-materja. Kieku l-gvern ma għandux problemi huwa wkoll fuq din il-materja, kieku ma kienx jaċċetta li jipposponi l-vot għal lum, l-Erbgħa. Infakkar li t-Tnejn li għadda kemm il-whip tal-Partit Nazzjonalista u anki dak tal-Partit Laburista qablu li ma jittieħedx vot imma jħalluh għal lum. Kieku ried il-gvern seta’ ħa dan il-vot it-Tnejn li għadda. Xejn ma kellu biex iżommu milli jipposponih għall-Erbgħa.
Fuq kollox, jekk kien hemm persuna li wera leadership u għadu juri leadership f’dan kollu hu Adrian Delia, li meta ġie mistoqsi barra l-Parlament qal ċar u tond li l-partit fil-Gvern għandu anki huwa jagħti lid-deputati tiegħu free vot fuq din il-materja waqt li ma ddejjaqx jgħid li hu kien wieħed minn dawk li talab għall-free vote fuq dawn l-emendi.