L-ambizzjuż Inginier MA Sammut, President Kunsill Generali PN ma jistax jibqa’ jaqdi kemm ‘l Alla u lix-Xitan fl-istess Nifs.
Kummentarju mit-Tabib Hermann Farrugia
Illum fl-aħħar ikolli nneħħi balla minn fuq l-istonku: Mark Anthony Sammut, President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista huwa Inginier professjonist bravu u ragel tal-familja serju. Izda fuq livell ta’ politika interna partiġġjana qiegħed joħroġ bħala ‘raġel misterjuż ta’ sfond griż’. Dan minħabba t-turija ta’ traċċi ta’ nkonsistenza, immaturita’ u kif ukoll ta’ opportuniżmu makkjavelljan sfrenat.
Mela l-Kap Dr Bernard Grech kien, fl-aħħar ta’ Settembru li għadda, mhux talli approva iżda manifestament imbotta proposta elettorali fażulla mfassla speċifikament minn rudiment ultraliberali appuntat apposta fil-Policy Kluster2 ‘Saħħa u Kwalita’ tal-Ħajja’. Jien ma stajtx ma nikkomunikax direttament ma’ Mark Anthony. Il-PN kien qed iwiegħed li fil-gvern joffri liberament, u mingħajr ebda tip ta’ kontroll jew follow-up mediku, il-morning after pill lin-nisa kollha mis-sittax-il sena ’l fuq u din kellha tingħata b’xejn fuq bażi 24/7 mill-ispiżeriji tal-gvern bħala forma ta’ kontraċezzjoni tal-emergenza ta’ wara att sesswali mhux protett.
Saħansitra Bernard Grech kien iddikkjara b’ċertu ftaħir u sodisfazzjon li l-forma ta’ dil-proposta kienet ifjen minn dik tal-partit La République En Marche’ tal-kandidat presidenzjali Franċiż Emanuel Macron, li kien ġia’ wiegħed li (minħabba l-prezz dejjem jogħla tal-prodotti mediċinali u għalhekk id-diffikulta’ li jintużaw mit-tfajliet bla paga medja) kien lest joffri b’xejn il-kontraċettivi (u mhux b’mod speċifiku l-morning after pill ) lit-tfajliet ċittadini Franċiżi mit-18 sal-24 sena u dan fi sfond ċar ta’ programm ta’ kura u sorveljanza tas-saħħa sesswali u riproduttiva taż-żgħażagħ.
Dan żgur li mhux kif kien deherlu li kellu jipproponi l-PN fejn ma’ kien qed jimplika ebda support mediku obbligatorju flimkien mal-għoti bl-addoċċ tal-pillola nkwestjoni. Niftakru li din hija sustanza qawwija kimiko-ormonali li wara kollox xjentifikament ippruvata li għandha wkoll funzjoni kontro-implantiva diretta strutturalment lejn l-embrijun uman. Mela ġara li minħabba l-‘viżjoni u missjoni’ bħala prinċipju statutorju kardinali li għadu kif kien ġie unanimament profess mill-Kunsill Generali ta’ Ġunju’20, jiġifieri bilkemm sena u tliet xhur qabel, jiena deherli li kelli nipprotesta formalment mad-dirigenza Nazzjonalista (inkluż mal-istess Mark Anthony) u dan għamiltu permezz ta’ opinjoni politiko-xjenitifika ta’ tħassib li kienet tispjega fid-dettal anke f’qafas xjentifiku kif din il-proposta tal-morning after pill kienet tikkostitwixxi anomalija serja vis-a-vis l-intendiment tal-istatut tal-partit.
Kien sewwasew f’das-sens li kont litteralment sfidajt personalment lil Mark Anthony Sammut (fil-kapaċita’ tiegħu ta’ President tal-Kunsill Ġenerali ) biex jekk riedu bilfors iżommu ma’ dil-proposta elettorali infami u biex sadattant il-partit jibqa’ politikament konsistenti u teknikament kredibbli, kull ma kellu bżonn kien li jiġġenera biżżejjed kuraġġ u ‘gutts’ u jirrakkomanda li l-Kunsill Ġenerali jintalab japprova emenda statutorja fejn jitneħħew il-kliem ‘mill-konċepiment’ u minflok tiġi ddikkjarata ‘il-protezzjoni għall-ħajja mill-bidu tal-ġestazzjoni/gravidanza (jiġifieri tat-tqala) sal-mument tal-aħħar nifs’!
U oħroġ il-għaġeb l-inginier Mark Anthony dakinhar tat-30 ta’ Settembru 2021, wara li kien ‘privatament’ wera ċertu approvazzjoni anke jekk timida tiegħu permezz ta’ famuż ‘Like’, ftit minuti biss wara dan l-intendiment deherlu li kellu jirtirah u fil-fatt ħassru… meta kont ġbidtlu l-attenzjoni għal dal-fatt ‘kurjuż’, l-ewwel ġabli l-iskuża banali li kien iċ-ċkejken ta’ tifel li kien qed jilgħab mal-mobile… imbagħad ħaseb li kien aktar jagħmel sens idawwar id-diska fejn qalli li hu anqas ma kellu tant ċans jifhem il-punto di vista tiegħi.
Illum, biex ma jmurx tiġi b’xi mod kompromessa l-ambizzjoni personali eżagerata tiegħu fejn xi darba jilħaq l-ogħla kariga fil-partit, jidher skifuż sew l-aġir ta’ dan l-iprem akkoltu Mark Anthony fl-inċensar sfaċċat tal-pożizzjoni insistenti tal-kap tal-partit. Ngħiduha ċara u tonda li Bernard Grech mhux qed jiffavorixxi liberta’ tal-ħsieb u tal-kuxjenza lill-grupp parlamentari tiegħu fil-kuntest ta’ dal-vot dwar aktar emendi għas-suppost ‘protezzjoni tal-embrijun‘.
Għalhekk, opportunistikament, Il-President tal-Kunsill Ġenerali stess mhux qiegħed jagħti possibilita’ lil grupp imdaqqas ta’ rappreżentanti parlamentari Nazzjonalisti juru l-konvinċiment etiku-morali tagħhom favur il-protezzjoni tal-ħajja umana embrijonali mill-aktar waqt prekoċi inaljenabbli wara l-fertilizazzjoni tal-gameti.
Tabilhaqq l-Inginier Mark Anthony Sammut jibqa’ juri difett madornali fil-politika tiegħu ta’ suppost konsistenza. Il-bużillis hu li bħala politiku żagħżugħ, intelligenti u ffurmat fl-iskali tal-istruttura tal-partit għandu jkun ħafna aktar onest primarjament mal-kuxjenza tiegħu stess. Iżda ovvjament sabiex possibilment jagħti lok biex jibqa’ javvanza qiegħed issa jittanta jaqdi fl-istess nifs kemm ‘l Alla kif ukoll lix-xitan. M’hemmx dubju li saret tgħodd sew għal Mark Anthony, bħalma ilha toqgħod biżżilla lil tant deputati parlamentari oħra, l-espressjoni kuranti użata għal meta wieħed juri li ‘bla stoffa: ‘I’LL BETTER BE SITTING ON THE FENCE’ !