Bernard Grech jibgħat għad-deputati fi gruppi żgħar wara li l-ewforija fl-għażla tal-kurunelli tiegħu wasslitu għall-iżolament

Mid-Dar Ċentrali

It-trepied li fuqu kien iserraħ Bernard Grech iġġarraf waħda sew.   Meta Bernard Grech daħal fit-tmexxija tal-partit rikeb il-karru ta’ Alessandro Farrugia, Ray Bezzina u Jeremy Gingell.  Illum dawn it-tlieta għosfru għal kollox u ħallew lil Bernard Grech “isaffar l-Aida”.  U x’kien ir-riżultat ta’ dawn l-għażliet?  It-tlieta libsu qalżiet li jiġihom kbir. B’hekk spiċċajna b’partit frak u l-post tax-xogħol tagħhom baħħ.  Dawn kienu spiċċaw iduru wara xulxin waqt li ħadd ma ried jersaq ’l hemm aktar. Għalija, dawn tilfu kull kredibilita’.  

Illum dawn it-tlieta dabbru rashom ‘l hemm u ddeċidew li jgawdu s-sajf, jixorbu l-birra, il-bogħod mill-frakass li ħallew warajhom fid-Dar Ċentrali. 

Mela f’dawn it-tliet għażliet, Bernard Grech falla bil-kbir, kif falla fl-għażla disfatta ta’ Chris Peregin, li ħadd ma kien jaf x’kien u xi jsarraf qabel l-elezzjoni li għaddiet, imma issa kulħadd jaf li dan l-istrateġista kien li wassal biex Bernard Grech jirreġistra dik li qed tissejjaħ l-akbar telfa madornali. 

Imma Peregin ukoll dabbar rasu ‘l hemm u qed igawdi s-sajf u jixrob il-birra, grazzi għall-għexieren t’eluf li n-Nazzjonalisti leali kkontribuxxew u għadhom jikkontribwixxu fil-maratoni.   B’Peregin, Bernard Grech ħaseb li kiseb il-bakketta maġika.  Meta ħarġet l-aħbar li Peregin tal-Lovin Malta kien sejjer mal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’estasi, beda jgħid ma’ kulħadd li meta ibnu sema bl-aħbar beda jaqbeż bil-ferħ.    

Ma naħsibx li ibnu Neil għadu għaddej b’dan il-qbiż bil-ferħ, l-aktar meta jiftakar x’akkwist għamel b’Peregin u meta jiftakar kif kisser xebgħa deputati u kandidati Ray Bezzina u l-viżjoni li kellu u għad għandu l-eks-Direttur Informazzjoni Alessandro Farrugia, li deputati f’Partit Demokristjan ma ridhomx jitkellmu b’simboli jew xbiehat reliġjużi fl-isfond tal-istampa meta jkunu qed jitkellmu fuq politika.

Dan Bernard Grech jafu sew tant li qed jibgħat għad-deputati fi gruppi żgħar u magħhom jitkellem dwar dak li jkunu għamlu matul il-ġimgħa.  Il-laqgħat bdew tajjeb, imma ġa beda jintwera nuqqas ta’ interess mid-deputati, fejn fit-tieni ġimgħa ma resqux ‘l hemm aktar minn nofshom.  

Ma tistax tibqa’ taqbeż bil-ferħ meta, kif kiteb wieħed mid-deputati Nazzjonalisti f’artiklu li deher ftit tal-jiem ilu, “the feeling of belonging has gone”.  Dan l-istess ħsieb illum hu rifless fost membri tal-kumitati u kunsilliera u sindki, u qed ikun rifless mal-ħaddiema fid-Dar Ċentrali u deputati tal-istess partit u issa qed jinżel anki fost it-tesserati.  

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *