Bernard Grech għandu tmienja u erbgħin siegħa biex isejjaħ lill-grupp parlamentari ħalli tkun diskussa t-talba għall-free vote fuq l-IVF

Il-Malta Today qaltilna li Mark Anthony Sammut stqarr li qatt ma ntalab freevote waqt il-laqgħat tal-grupp parlamentari Nazzjonalista. Imma Mark Anthony Sammut ma ċaħadx li kien hemm deputati li kitbu lil Bernard Grech u talbuh free vote. Il-Malta Today tgħidilna li fost id-deputati li kitbu, jitolbu free vote, hemm Adrian Delia. Dan is-sit jinsab informat li kien hemm oħrajn li talbu free vote, xi uħud bil-kitba u oħrajn verbalment lil Bernard Grech. Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qed iġib l-argument li dawn it-talbiet saru barra mill-laqgħat tal-grupp parlamentari, u wara li spiċċat id-diskussjoni fuq dan is-suġġett fil-grupp parlamentari u għalhekk dawn it-talbiet huma nulli u ma jistgħux jintlaqgħu.

Imma ġara li lbieraħ ma ttieħedx vot fuq dawn l-emendi fil-parlament u l-vot ser jittieħed għada. B’hekk numru ta’ deputati qed jitolbu biex tissejjaħ laqgħa tal-grupp parlamentari ħalli jkun diskuss dan is-suġġett. Hawnhekk wieħed jistaqsi lil Mark Anthony Sammut jekk hux lest jingħaqad ma’ dawn id-deputati Nazzjonalisti li qed jitolbu laqgħa tal-grupp parlamenti Nazzjonalista, illum jew għada, ħalli tkun diskussa t-talba tagħhom għal free vote fil-parlament?

Il-verita’ hija li Bernard Grech huwa ostaġġ tal-klikka li fadallu madwaru. Dawk ta’ madwaru, u dawn huma favur l-abort, qed jiġibu kull skuża legali u bla bażi biex ma jingħatax vot ħieles fuq din il-materja tant importanti. Għaliex Bernard Grech ma jlaqqgħax il-grupp u Mark Anthony Sammut ma jappoġġjax lil min qed jitlob biex tissejjaħ laqgħa tal-grupp parlamentari? Għaliex jafu li jekk jingħata vot ħieles, Bernard Grech jkun f’minoranza fil-grupp parlamentari li jivvota favur dawn l-emendi. Ikun wieħed mill-ftit mid-deputati Nazzjonaisti li jivvutaw favur din il-liġi mal-gvern tal-Lejber.

Fuq kollox l-istatut inkiser meta Bernard Grech u dawk sħabu jridu li l-Partit Nazzjonalista jivvuta favur materja li tmur kontra l-istess statut tal-Partit Nazzjonalista. Ara hawn, ma jimpurtax li jitwarrab l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jew saħansitra jinkiser. Ara hawn ma jimpurtax li Bernard Grech ma jżommx mal-pożizzjoni tal-istatut u jiddefendi l-ħajja mill-mument tat-tnissil tagħha. Fuq kollox, l-istatut joffri l-possibbilita’ ta’ free vote u din il-possibblita’ qed tkun ukoll miċħuda.

B’hekk nirrepeti jekk verament Bernard Grech jemmen fid-demokrazija, fadallu 48 siegħa biex isejħu laqgħa tal-grupp parlamentari ħalli jiddiskuti l-free vote. Jekk Mark Anthony Sammut verament jemmen li biex jingħata free vote, hemm bżonn ta’ diskussjoni fil-grupp parlamentari, għandu jinsisti ħalli jitlaqa’ l-grupp parlamentari biex jkun diskuss il-free vote mid-deputati Nazzjonalisti.

Fil-verita’, kemm Mark Anthony u Bernard Grech ma jridux li jingħata free vote għax jafu li jekk jingħata free vote, huma jkunu f’minoranza u jispiċċaw jkunu waħidhom jivvutaw mal-gvern tal-Lejber favur dawn l-emendi li l-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalisti huma kontra tagħhom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *