L-ispettur li pproċeda kontra l-avukati ta’ Yorgen Fenech fuq tixħim kien deskritt bħala li “jaħdem” minn Jason Azzopardi

Ftit tal-jiem ilu Jason Azzopardi tella’ post twil dwar il-korp tal-pulizija. F’dan il-post issemma l-ispettur “Antoine” Scerri. Azzopardi, jikkwota lil xi ħadd li qallu li “Antoine:” Scerri huwa vittma, u ġie mwarrab fil-korp. Din il-persuna qalet dan għaliex fil-media dehru artikli li jgħidu li l-ispettur Scerri telaq mill-korp. Infakkar li The Times qaltilna li ‘investigator in high profile corruption cases quits role’. Jien lil dan Scerri ma nafux. Dak li naf hu dak li ħareġ mill-media. Fil-fatt, l-ispettur li telaq jew irreżenja mill-korp mhux Antoine Scerri jismu imma Anthony Scerri. Dak li naf ukoll li s-Sur Scerri baqa’ mal-gvern u j’alla fejn mar għandu paga ħafna aħjar minn dik li kellu qabel bħala spettur.

Biss hemm aspett li ħadd ma hu qed jitkellem dwaru. Anthony Scerri kien l-istess spettur li għamel il-prosekuzzjoni taż-żewġ avukati li qed jassistu lil Yorgen Fenech u li skont il-media dawn l-avukati ppruvaw ixaħħmu ġurnalist tat-Times. Issa ħareġ minn sentenza tal-qorti li vera kien hemm tixħim imma ħarġu lliberati minħabba teknikalita’ fl-att ta’ akkuża!

F’daqqa waħda, il-media tal-liberali dawwret il-kanuni tagħha kontra Victoria Buttigieg peress li qalu li l-akkużi ħarġu mill-uffiċju tal-avukat ġenerali. Nifhem li Victoria Buttigieg hija l-kap ta’ dan l-uffiċju. Nifhem li hija risponsabbli għal dak li jiġri fl-uffiċju tagħha biss nifhem ukoll li din l-mara ma tistax tara l-akkużi kollha li l-pulizija jressqu fil-qorti. Ftit wara li dawn iż-żewġ avukati ħarġu lliberati, ta’ Repubblika talbu għar-reżenja ta’ Victoria Buttigieg peress li hija l-avukat ġenerali.

Imma hemm dettal ieħor li jrid jingħad f’din l-istorja kollha. Kulħadd jaf li l-avukat li kien qed imexxi l-proċeduri kontra Yorgen Fenech – fl-uffiċju tal-avukat ġenerali – huwa Philip Galea Farrugia. Jien kelli ċ-ċans nikteb fit-tul dwar dan il-każ li jinvolvi lil dawn iż-żewġ avukati u spiċċajt anki mixli fil-qorti. Infakkar li Philip Galea Farrugia huwa d-deputat avukat ġenerali u kien anki semma dak li jien ktibt fuq dan il-każ fil-qorti. Niftakar li meta kont tkellimt dwar dan il-każ, Galea Farrugia kien qal li ma kellux x’jaqsam biss ismu issemma’ li kien fid-depot meta l-pulizija bagħtu għaż-żewġ avukati ta’ Yorgen Fenech biex jinterrogawhom. Hu fatt magħruf u pubbliku li hemm animożita’ kbira bejn Philip Galea Farrugia u l-avukat Charles Mercieca, li qabel ħa l-każ ta’ Yorgen Fenech, kien jaħdem miegħu fl-istess uffiċju. Hu fatt magħruf li din il-proċeduri ġew istigati mill-pulizija u mhux mill-ġurnalista nkwistjoni.

Issa jien nafha li meta l-pulizija tressaq xi ħadd il-qorti, huwa l-uffiċjal prosekutur li jifformula l-akkużi. Normalment (imma mhux dejjem) il-pulizija tikkonsulta mal-uffiċju tal-avukat ġenerali. F’dan il-każ, wieħed jistaqsi jekk kienx hemm din il-konsultazzjoni u min verament ifformula dawn l-atti ta’ akkuża? Dawn ġew ifformulati minn Dr. Victoria Buttigieg, mill-ispettur Anthony Scerri, mill-avukat li assista lil Scerri jew minn xi ħadd ieħor? Infakkar li f’dan il-każ kien deher avukat ieħor mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali fil-qorti.

Bil-mod kif ġiet irrappurtata din l-istorja fil-media u r-reazzjoni ta’ Repubblika u tal-familja Caruana Galizia tat wieħed x’jifhem li dawn l-atti ta’ akkużi ġew imposti b’mod ħażin minn Victoria Buttigieg. Imma kemm hu minnu dan? Biss id-daħqa qegħda hawn. Skont il-post li tella’ Jason Azzopardi, Scerri kien spettur li jagħmel xogħolu sewwa. It-Times stess qaltilna li dan hu “high profile investigator”. Jien ma għandix xi dubju dwar dan. Allura possibli li ħadd ma jitkellem dwar dan il-fatti? Possibli li ta’ Repubblika u l-truppa tagħhom ma kienux jafu b’dan id-dettalji u nsew min kien l-uffiċjal prosekutur f’dan il-każ kontra dawn iż-żewġ avukati?

Infakkar li Azzopardi qabeż għal Scerri jum qabel ma ħarġet din is-sentenza wara li The Times ħarġet l-artiklu tagħha favur Scerri. Jiġifieri ħadd ma kellu l-iskuża li jgħid li ma kienx jaf li dawn iż-żewġ avukati ġew imressaq il-qorti minn spettur li hu magħruf li hu diliġenti! Mela għaliex dawn l-attakki kollha? Hawn qegħda l-logħba kollha. Għaliex hemm xi ħadd li għandu interess li jtajjar lil Victoria Buttigieg u għalhekk qed imexxi stejjer kontra tagħha biex tkun oskurata. Dan qed isir b’kull mezz possibli, inkluż bl-użu ta’ ritratti koroh tagħha fil-media.

Min-naħa tal-gvern u bil-mod kif tkellem il-Ministru attwali tal-ġustizzja, Jonathan Attard, fuq dan il-każ, jidher li gvern ser jerġa’ jġib ruħu ma’ Victoria Buttigieg kif ġab ruħu ma’ Alex Dalli. Iż-żmien jagħtina parir!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *