Kif il-gvern jista’ jemenda liġi minħabba każ li fuqu l-anqas għamel investigazzjoni?!

Minn qarrej ta’ dan il-blog.

Wieħed mill-argumenti li qed isir huwa dan. Jien kontra l-abort imma mhux sew li mara titħalla tmut minħabba tqala li marret ħażin. Ovvjament dan qed jingħad minħabba dak li ġie rrappurtat fil-media.

Biss quddiem dan l-argument, nistaqsi għala l-gvern ma jippubblikax rapport dettaljat ta’ kemm il-każ kellna li nfaqa’ l-ilma tal-omm u jekk qatt kienx hawn każ fejn l-omm mietet kif ġie allegat li kien ser jiġri f’dan il-każ.

Għalhekk jekk il-gvern irid ikun kredibbli, l-ewwel għandu jippubblika rapport uffiċjali għal dawn aħħar għaxar snin, sena b’sena, ta’ kemm-il mara mietet jew ġiet f’periklu li tmut waqt tqala jew waqt ħlas, hawn Malta. Minn dan ir-rapport biss jista’ jiġġustifika kwalinkwe emenda u x’tip ta’ emendi għandhom jitressqu. Ma jagħmilx sens li minħabba każ wieħed, li dwaru ma saret l-ebda investigazzjoni jinbiddlu l-liġijiet. Jekk xejn, l-ewwel kellha issir investigazzjoni u mbagħad a bażi ta’ din l-investigazzjoni jkun stabbilit jekk għandhomx jinbiddlu l-liġijiet jew le. Fuq kollox, f’dan il-każ hemm dubju kemm hu wieħed ġenwin u mhux premeditat biex jintlaħaq l-iskop tal-aġenda pro-choice.

Hawn għandna repetizzjoni ta meta fi ftit ġranet ilu, f’ġimgħa, il-gvern daħħal il-liġi tal-femiċidju minħabba każ wieħed ta’ delitt li saħansitra l-anqas kien femmiċidju imma l-media tal-liberali pinġietu hekk. Din il-ligi iddaħħlet anki wara li bdew ħerġin id-dettalji ta’ dan id-delitt. U d-dettalji tal-każ juru li ma kienx ikun hemm bżonn ta’ din il-liġi li ħa toħloq kumplikazzjoni legali bla bżonn.

Issa għandna l-istess ħaġa fuq l-abort bil-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne irid jibdel il-liġi minħabba każ li fuqu, kif għidt qabel, ma saret l-ebda investigazzjoni. U ibqgħu żgur li anki hawn ser jiġri bħal ma ġara fil-liġi dwar il-femmiċidju. Din il-liġi tal-abort ser tkun imfassla fi ftit jiem b’nuqqas kbir ta studju. Nispera li din id-darba l-Oppożizzjoni tkun iffukata. Biss, l-impressjoni li qed tagħti l-Oppożizzjoni hi li hi favur l-abort. Tkun taf x’inhi tagħmel u tkun ċara dwar jekk taqbilx jew le ma’ dawn emendi.

Fuq kollox, jekk ikollu jiġi turist u b’kumbinazzjoni jimrad u l-marda li jimrad biha tkun terminali, għandu jippretendi li tiġi amministrata euthanasia fuqu? X’ ser jagħmel il Gvern? Ser jerġa’ jemenda il-ligi għaliex hu jew il-familja jiftħulu xi kawża?!!

Daqshekk qed naqgħu fir-redikolu f’dan il-pajjiż u dan kollu f’isem il-progress.

Sliem.

2 thoughts on “Kif il-gvern jista’ jemenda liġi minħabba każ li fuqu l-anqas għamel investigazzjoni?!

  1. Qed jintqal li din rat id-demm. Jien għamilt 8 xhur nara d-demm fl-ewwel tqala tiegħi, u bil-għajnuna t’Alla, it-tarbija twieldet b’wiċċu il-ġid. Kelli tqala oħra, fejn rajt ħafna iktar u korrejt. Kelli bżonn ħafna trasfużjoni ta demm,imma ma mietx. Jien naraha skuża din biex jiddaħħal l-abort.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *