Where your opinion counts

Il-Gvern qed ikun arroganti mar-residenti tal-Belt Valletta

Minn osservatur politiku

L-arroganza li rrenjat fl-aħħar snin tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern qed tiġi kkuppjata mill-Gvern Laburista preżenti. Dan joħroġ ċar għall-mod kif iddefenda ruħu l-Prim Ministru wara dik il-kritika kollha fuq l-avviż legali li ħareġ dwar il-mużika fil-Belt Valletta. Il-Prim Ministru ddefenda il-pożizzjoni meħuda mill-Gvern tiegħu u ma ta ebda sinjal li beħsiebu jisma’ l-kritika, li beħsiebu jiddiskuti ma’ dawk interessati u li forsi jista’ jasal biex jibdel xi ħaġa wara li jkun poġġa bilqiegħda ma’ dawk kollha li ser jintlaqtu ħażin b’dan l-avviż.

Wieħed irid jammetti li l-Gvern kurrenti ma tantx ħareġ ta’ hero fil-kwistjoni tal-Belt Valletta u nistgħu nsemmu wkoll it-tgħaffiġa ta’ kif tratta l-kwistjoni tal-Blue Lagoon ġewwa Kemmuna. Fiż-żewġ okkażżjonijiet dehret certa arroganza li qed tkompli tissaħħaħ f’dan il-Gvern Laburista. Fiż-żewġ okkażżjonijiet tidher ċara li hemm nuqqas ta’ rieda qawwija min-naħa tal-Gvern biex jipprova jsib xi tip ta’ soluzzjoni.

Il-kwistjoni tal-Belt tolqot biss numru żgħir ta’ nies għax iridu jkunu joqgħodu f’toroq speċifiċi fil-Belt, imma xorta hija kwistjoni ta’ importanza kbira għalkemm ma tistax titqies xi waħda nazzjonali. Imma l-mod kif ġew trattati r-residenti turi kemm qed terfa’ rasha l-arroganza u kemm l-atteġġjament tal-Gvern sejjer lura fl-imġieba tiegħu mal-poplu.

Għax ejja ngħiduha kif inhi, kien arroganti l-Gvern li qabad u daħħal l-avviż legali mingħajr ebda konsultazzjoni ma’ dawk milquta. Per eżempju ma tkellem xejn ma dawk fin-negozji li nvestew bil-bosta f’lukandi tal-għola livell li ser ikunu milquta mil-mużika sas-siegħa ta’ filgħodu. Ma ddiskuta xejn mar-residenti li joqgħodu f’dawn it-toroq milquta fil-Belt.

Kien ovvju li dawn in-nies ser jintlaqtu direttament b’deċiżjoni bħal din. Allura kienet tagħmel ħafna iżjed sens li kieku ma’ dawn in-nies saret xi tip ta’ diskussjoni biex isibu qbil qabel ħareġ l-avviż legali. L-arroganza tal-Partit fil-Gvern dehret ukoll meta l-istess partit ma ħalliex lid-deputati tiegħu jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq din il-kwistjoni. Rabathom bis-silenzju u qallhom li ser jitkellem il-partit għalihom.

Biss meta dawn id-deputati marru jitkarrbu għall-vot ma marrux bħala partit imma marru jitkellmu mal-kostitwenti Beltin tagħhom fuq livell individwali. Ħareġ ċar li fl-arroganza tiegħu, il-Partit Laburista deher li ma jafdax lid-deputati tiegħu stess biex jesprimu l-opinjoni tagħhom. Din id-deċiżjoni fetħet it-triq biex isiru affarijiet simili ‘l quddiem, li kif tinħoloq kwestjoni distrettwali, jitkellem il-partit flok id-deputat li jippreżenta lill-kostitwenti tiegħu.

Din hija perikoluża għax il-Partit Laburista qed jgħid li ma jaċċettax id-differenza fil-ħsieb li jista’ jkun hemm mid-deputati tiegħu. Minn din id-deċiżjoni joħroġ ċar ukoll it-tnaqqis tal-kuntatt mal-medja indipendenti li qiegħda hemm biex tistaqsi mistoqsijiet diretti u anke xi kultant antipatiċi.

Dan forsi qed jirrifletti l-fatt li l-Prim Ministru ma jagħtix ċans ta’ mistoqsijiet mil-medja. Fil-fatt ilna ma naraw lill-mexxej tal-Partit Laburista jpoġġi ma’ ġurnalisti u jirrispondi mistoqsijiet varji u jista’ jkun diffiċli. Din l-attitudni arroganti li ħarġet f’dawn iż-żewġ okkażżjonijiet ma jirriflettux tajjeb fuq il-gvern. Deher li jiġi jaqa’ u jqum minn kif jintlaqtu r-residenti. Agħar minn hekk li dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu eżatt wara elezzjoni ġenerali u forsi jistgħu jirriflettu fuq il-fatt li l-elettorat jilħaq jinsa sa elezzjoni oħra għax għadha l-bogħod.

Nisperaw li din mhix l-attitudni arroganti li ser jaħdem biha l-Gvern għax fuq kollox tkun qed tkisser dak kollu li qal u wiegħed matul il-kampanja elettorali tiegħu.

One thought on “Il-Gvern qed ikun arroganti mar-residenti tal-Belt Valletta

  1. min din il kitba qed naraw tghaweig ts dak li irrisponda il Prim Ministru meta qal li sal 11.00 pm il muzika tibwa b-mod ragunat u wara l-11.00 pm sad-1.00 am din titbaxxa biex ma tkunx ta skomdu ghal hadd u hawn nara gideb bejn il fatti u mhux tghawwig tal-verita lif hawn miktub
    Ma nafx ghaliex dan il gideb kollu meta il verita turi mod iehor min zewgt stazzjonijiet televizzivi pubblici

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *