Il-ħruġ ta’ informazzjoni: xabla li taqta’ b’żewġt ixfar
Minn osservatur politiku
Problema li ilu jiffaċċja l-Partit Nazzjonalista hija li kwalunkwe diskussjoni jew disgwid joħroġ fid-dominju pubbliku mal-ewwel. Id-diskrezzjoni ma teżistix u tiskanta kif il-media soċjali tintela bl-aħbar mill-ewwel. Donnu ma hemmx konsiderazzjoni ta’ x’impatt iħallu dawn l-affarijiet. Lanqas issir riflessjoni li dan il-ħruġ jew kxif tal-aħbar tista’ toħloq disgwid kbir qalb il-partitarji tal-istess partit. Din il-marda serja spiċċat mogħnija b’distruzzjoni interna tal-partit stess u ma jidher li hemm ebda sinjal ta’ fejqan għal din il-problema.
Anzi wieħed irid jgħid li dan mhux fenomenu biss li jolqot lill-Partit Nazzjonalista. Qiegħed anki jkollu effett fuq il-Partit Laburista imma forsi fil-Lejber jinħass inqas.
Inutli noqogħdu nheddu li ser tittieħed jew ser issaltan id-dixxiplina. Din ma twassal imkien. Fuq kollox,wieħed jista’ jgħid li dan is-sit hu fuq quddiem li joħroġ informazzjoni interna tal-Partit Nazzjonalista. Mela forsi wieħed jgħid li għandu jkun hu li jagħti eżempju u jieqaf joħroġ informazzjoni.
Biss f’dawn l-aħħar jiem rajna nies li kienu fil-klikka ta’ dawk li issa qed jgħidu li ma għandix toħroġ informazzjoni fil-beraħ u jekk għandhom xi problema jmorru jitkellmu mal-kap li qed joħorġu huma stess din l-informazzjoni dwar tiżgwid intern li hemm fil-PN. Rajna il-kummenti ta’ Emma Portelli Bonnici u l-partner legali tagħha Martina Caruana jitkellmu fil-pubbliku. Ara għalihom ma jgħoddx il-kliem li qal sieħibhom Ivan Bartolo tas-6PM, wieħed mill-perċimeżż għala l-PN jinsab f’dan l-istat disastruż tal-lum.
Imbagħad għaliex kien hemm xi individwi, bħal Albert Buttigieg li tkellem fil-pubbliku kienu ser jispiċċaw jgħadduh ġuri fi ħdan l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista.
Dawn huma d-double standards li qed ikissru lill-Partit Nazzjonalista. Bħala partit Konservattiv, il-PN irid jieqaf juża din il-filosofija tar-relattiviżmu, fejn l-argumenti politiċi jsir relattivi – skont min tkun il-persuna. Il-prinċipju konservattiv imur – fit-tajjeb u l-ħażin tiegħu – fuq ħsibijiet assoluti jiġifieri xi ħaġa hija tajba għall-kulħadd u ħażina għall-kulħadd!
Halli nerga nghidha : Politics is the art of the possible NOT Philosophy of the impossible