Tkompli s-saga fil-football Malti

Wara li Jean Claude Micallef tella’ post fejn wera l-interess tiegħu li jmexxi l-assoċjazzjoni tal-clubs tal-premier, l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-clubs ħarġet stqarrija fejn qalet li l-interess ta’ Jean Claude Micallef ma kienx fil-kariga ta’ president ta’ din l-assoċjazzjoni imma fil-kariga ta’ Chief Executive Officer li għaliha ma kien hemm l-ebda vakanza. L-istqarrija tal-assoċjazzjoni tal-clubs tal-premier hija kif ġej:

Stqarrija ghall-istampa – 25/06/2022

Il-MPFCA tixtieq tiċċara numru ta’ punti wara bosta rapporti u għidut fl-aħħar jiem:

L-Assocjazzjoni bħalissa qed tfittex Chairman minn barra il-clubs biex ikun jista’ jmexxi t-transizzjoni li tinsab fl-istrategija tal-MFA.  Din mhix elezzjoni iżda ħatra b’deċiżjoni.

Numru ta’ clubs avviċinaw lil Dr Joseph Muscat għal din il-kariga.  Isem Dr Muscat ġie mressaq għad-diskussjoni l-ġimgħa l-oħra fejn ġie maqbul li jitkomplew id-diskussjonijiet miegħu.

Fl-istess ħin ġie maqbul li l-clubs jitħallew fil-liberta’ ikellmu persuni oħra u jissottomettu ismijiet oħra ghall-kunsiderazzjoni.  Il-clubs kellhom sal-bieraħ biex jissottomettu ismijiet oħra ghall-kunsiderazzjoni iżda l-ebda club ma ssottometta isem ieħor.

Is-Sur Jean Claude Micallef bagħat email biex jiġi kkunsidrat għal rwol ta’ Kap Eżekuttiv.  L-Assoċjazzjoni f’ dan l-istadju mhux qed tfittex Kap Eżekuttiv jew biex timpjega xi persuni.  Meta jiġi dak il-waqt, se jintużaw il-proċessi kollha neċessarji biex jingħażlu l-aħjar persuni.

L-Assoċjazzjoni se tiltaqa fil-jiem li ġejjin biex tittieħed deċiżjoni finali dwar din il-ħatra.

Fi kliem ieħor, Jean Claude Micallef ġie eliminat bil-pulit milli jsir il-president tagħha, għaliex skont din l-assoċjazzoni tefa’ nomina għal xi ħaġa li ma kienx hemm vakanza għaliha. Min-naħa tiegħu, Jean Claude Micallef tella’ dan il-messaġġ:

Infakkar li din hija assoċjazzjoni tal-clubs u għat-tmexxija tagħha ssemma l-isem ta’ Joseph Muscat. Biss hemm żewġ clubs kontra li huma dawk tal-Belt u tal-Gudja li ma qablux man-nomina ta’ Muscat.  Kif qalli xi ħadd delettant tal-Football. Għal din il-kariga qed jiġri kif ġara fil-Partit Nazzjonalista.  “Hemm kien hemm Bernard Grech u Alex Perici Calascione itellqu waħidhom. Hawn ser ikollna lil Joseph Muscat itellaq waħdu“.

Imma dak li hu interessanti li Joseph Muscat s’issa għadu ma qal xejn. B’hekk mhux ċar jekk hu aċċettax din in-nomina jew le.  Lanqas kelma waħda.  Dan mhux soltu tiegħu. Normalment meta tinqala’ xi kontroversja li tinvolvi lilu jikteb fuq Facebook jew jagħmel xi messaġġ.

Imma jidher li kienu l-klabbs li marru għalih.  Dak li jidher li għadu dubjuż huwa l-fatt jekk hu aċċettax jew le, anki jekk issa nafu li club minnhom (u hemm min qed jgħid aktar minn wieħed) tefa’ isem Joseph Muscat għal din il-kariga li issa, nafu mill-istqarrija li ħarġet l-istess MPFCA n-nomini għaliha għalqu. Mela l-pass li jmiss hu dak tat-30 ta’ Ġunju, meta l-clubs għandhom jiltaqgħu biex jinħatar iċ-Chairman.

Min-naħa tagħhom, il-klabbs ġa kienu aware li Joseph Muscat wera interess li wara li jispiċċa mill-politika jidħol fil-football.  Dan ma hux sigriet għaliex kien qalha huwa stess. Fuq kollox, hu stess, kif kien irrappurtat f’dan is-sit u s’issa għadu ma ġiex miċħud, mar għall-meeting ma’ din l-assoċjazzjoni biex jitwaqqaf Team Malta.

Fuq kollox, tibqa’ miftuħa l-mistoqsija jekk Muscat tefgħax għajnejh fuq il-Presidenza tal-MFA? Hawn is-sitwazzjoni hija aktar fluwida. Issa fl-MFA, il-president attwali qed jitlef appoġġ li kellu.  B’hekk jekk Muscat joħroġ għal din il-kariga ta’ President tal-MFA, huwa għandu ċans kbir li jitla’. Il-klabbs huma kważi kollha qrib il-Lejber u b’hekk ikun diffiċli biex ma jtellgħuhx.  Kull klabb ikollu vot u l-maġġoranza tagħhom, kif spjegajt huma fil-maġġoranza Laburisti u b’hekk dawn jivvutaw lilu jew lil dak li tingħatalhom direzzjoni li għandhom jivvutawlu.

Il-problema li hemm f’dan kollu hija li Bjorn Vassallo, il-president attwali tal-MFA kellu u għad għandu relazzjoni tajba ħafna ma’ Muscat anki jekk hu mitqies bħala Nazzjonalist. Min-naħa l-oħra, ma tantx jidher li għandu relazzjoni tajba mat-tmexxija attwali ġewwa Kastilja.  In fatti fil-kamp sportiv tal-Football, ġa ġie nnutat li kemm ilu leħaq Robert Abela prim ministru, qatt ma resaq lejn Ta’ Qali u lejn il-head quarters tal-MFA, meta missieru qatta għomru u żmienu fl-MFA.  Saħansitra, wara li kien spiċċa minn president, missier Robert Abela kien sar iċ-Chairman Tas-Social Responsibility Team, bl-iskop li jiġbru fond biex jgħinu lill-batuti.  Imma minn meta spiċċa Norman Darmanin Demajo u leħaq Bjorn Vassallo, George Abela qatt ma ssemma iżjed. Wieħed jistaqsi jekk dan is-silenzju ta’ Muscat hux relatat ma’ dawn il-fatti?  Fi kliem ieħor, dak li għaddej fil-kamp tal-football Malti hux jirrifletti l-qasma siekta li teżisti fil-kamp Laburista?

Waqt li Joseph Muscat għandu dritt ghall-passatempi tiegħu u ma għandix dubju li l-għażla tiegħu ser iġġib magħha kuntatti għall-klabbs, il-problema f’din l-istorja kollha hija li min ma jridx lil Joseph Muscat bħala chairman ma kellux jew għandux kandidat ieħor xi ressaq. Muscat spiċċa appoġġjat kważi minn kulħadd u spiċċa jtellaq waħdu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *