Il-Partit Laburista mhux qed jafda d-deputati tiegħu stess
Minn osservatur politiku
Il-gazzetta Illum, tal-Ħadd li għadda, qaltilna li ħadd mid-deputati tal-Partit Laburista tal-Ewwel Distrett ma wieġeb għal xi mistoqsijiet li ntbagħtulhom dwar l-estensjoni li saret fil-ħin permessibbli għall-mużika fil-Belt Valletta. Minflok tweġiba individwali minn għand id-deputati, il-Partit Laburista bagħat risposta komuni hu bħala partit. Din ma fiha xejn u fiha ħafna fl-istess ħin.
Dan huwa mod kif tagħlaq ħalq ir-rappreżentanti tal-poplu b’mod individwali. Il-votant tal-ewwel distrett tella’ fil-parlament deputati biex jippreżentawh u għalhekk jippretendu li kull wieħed u waħda minnhom għandhom jitkellmu f’isimhom. Imma milli jidher il-Partit Laburista nkixef li qed jibża’ jafda lid-deputati tiegħu jitkellmu f’ismu u ħareġ stqarrija komuni għal kulħadd.
Sfortunatement il-Partit Laburista stess irreduċa lid-deputati tiegħu bħala rrelevanti u ġew meqjusa bħala numru biss. B’intenzjoni l-Partit Laburista ħareġ jgħid li d-deputati tiegħu kollha jaqblu mad-deċiżjoni tat-tibdil tal-ħin għall-mużika. Jekk hux veru jew le ser tibqa’ xi ħaġa li ma ser insiru nafuha qatt għax kif saret l-istorja, il-Partit Laburista għalaq ħalq ir-rappreżentanti tiegħu. Din hija deċiżjoni perikoluża min-naħa tal-Partit Laburista.
Li jidher li d-deputati huma magħqudin fil-ħsieb tagħhom fuq xi ħaġa li tolqot il-kostitwenti tagħhom hija xi ħaġa minnha nfiha tajba. Imma li tagħlaq ħalq l-istess rappreżentanti hija perikoluża għax ġibthom ma jiswew xejn. Poġġejthom f’sitwazzjoni li lanqas mistoqsijiet ma jistgħu jirrispondu għax qishom irid ikollhom il-barka taċ-ċentru laburista.
Fuq kollox qed tirfes fuq l-intelliġenza rispettiva tagħhom. Meta l-gazzetta bagħtet il-mistoqsijiet bil-fors li kien hemm indikazzjoni min-naħa tal-Partit Laburista biex ħadd ma jirrispondi u avżaw lil kulħadd li ser toħroġ risposta komuni.
Possibbli ma setgħetx ingħatat tweġiba lil kulħadd u kull wieħed mid-deputati jirrispondi fi kliemu? B’dan il-mod jidher ċar li l-Partit Laburista ser jibda jdaħħal iċ-ċensura fuq in-nies tiegħu.
Ir-residenti Beltin żgur li ma humiex kuntenti b’din id-deċiżjoni għaliex sirna nafu li tkellmu u xtaqu li r-rappreżentanti tagħhom min-naħa tal-Partit Laburista jitkellmu f’isimhom u mhux iħallu lil-Partit jiddikjara hu. Fuq kollox, huma vvutaw lil rappreżentanti individwali għalkemm f’isem il-Partit Laburista. Id-deputati f’isem il-Partit Nazzjonalista tkellmu f’isem il-kostitwenti tagħhom u għalhekk dehret iktar kerha li d-deputati Laburisti ma fetħux ħalqhom u ħallew it-tmexxija titkellem f’isimhom.