Imma għaliex il-media ma titkellimx fuq l-interess ta’ Melo Hili f’dak li qed jiġri f’Kemmuna?
Kemmuna kienet fuq fomm kulħadd f’dawn l-aħħar ġranet. U referenza speċjali saret lejn il-Moviment Graffitti. Dawn ġew imfaħħra minn kulħadd grazzi għal dak kollu li għamlu. Grazzi għall-kuraġġ ta’ dawn in-nies, abbuż sfaċċat inkixef. Nittamaw li forsi ssir xi ħaġa biex ma jerġax imur lura għal li kien u nerġgħu naraw kull rokna fil-Blue Lagoon mimlija deckchairs u umbrellel mingħajr permess.
Fost dawk li ħarġu jfaħħru lil Graffitti kien hemm ta’ l-Għaqda Repubblika. Mhux soltu l-Għaqda Repubblika tkun id f’id ma’ Graffiti anki jekk wieħed jinnota li n-nies jew l-attivisti ta’ Repubblika ma marrux jew ħadu sehem direttament f’din il-protesta billi marru u neħħew is-siġġijiet u l-anqas kienu huma li għamluha.
Imma sadattant, ftit li xejn saru mistqosijiet għala ta’ Repubblika ħarġu jappoġġjaw lil Graffitti. Imma wieħed irid jgħid li ftit passi l-bogħod minn fejn jintramaw id-deckchairs fi Blue Lagoon għaddej żvilupp fuq Kemmuna. Il-lukanda fuq Kemmuna, li kienet ta’ Yorgen Fenech bi sħab ma’ Alec Mizzi, inbiegħet lil Melo Hili. Il-bejgħ tal-lukanda sar bil-garanzija li l-Awtorita’ tal-Ippjanar u l-Kabinett ta’ Joseph Muscat tapprova li parti mil-lukanda ssir bungalows lussuzi. Ara f’dan il-każ, it-Times qatt ma tellgħet xi artiklu bit-titlu li persuna li xtrat lukanda li xi darba kienet ta’ Yorgen Fenech u din għandha interess kbir f’dak li qed jiġri fuq Kemmuna!
Issa biex ibiegħu l-bungalows, Melo Hili ma jaqbillux li jkollu dik il-geġwiġija ta’ deckchairs fuq il-bajja ta’ Kemmuna u wisq anqas geġwiġija ta’ dgħajjes.
Fil-fatt, ftit wara li ta’ Graffiti neħħew il-deckchairs, Shift News ħarġet bl-istorja marbuta mal-biżibilju dgħajjes li jifggħu l-bajja u tkellmet dwar l-interess f’dan il-business li għandhom qraba tal-ministru ta’ Turiżmu Clayton Bartolo. U dan hu fatt kollu minnu. Ix-Shift News fakkret li l-familja tal-Ministru tat-Turizmu, Clayton Bartolo, hija nvoluta f’dan ix-xogħol, jiġifieri fit-trasport bil-baħar tan-nies lejn Kemmuna. Infatti saret anki referenza għal dan il-fatt fi storja li dehret il-bieraħ fuq dan is-suġġett f’The Times of Malta. Imma mbagħad, l-ebda media ma ssemmi l-interess ta’ Melo Hili ġewwa Kemmuna.
Dak li jista’ jingħad li Melo Hili kien sostenitur kbir tal-PN imma ma baqgħax wara li Adrian Delia kien leħaq kap. Infakkar li wara li leħaq kap Adrian Delia faqqset din l-għaqda Repubblika li flimkien ma’ The Times u media oħra, bdiet tattakka bla ħniena lil Adrian Delia. Lesti Repubblika jiċħdu qrubija tagħhom ma’ Melo Hili? Huwa għalhekk li Melo Hili qatt ma jkun taħt ħir-radar tal-media bl-Ingliż?
F’dan il-kuntest, wieħed jifhem għala l-grupp Repubblika ħarġu jappoġġjaw lil Graffitti u wieħed jifhem ukoll għala l-media qed tattakka kif tattakka fuq il-kwistjoni ta’ Kemmuna. Fuq kollox, hu fl-interess ta’ Melo Hili (minn barra tal-poplu Malti) li dawn id-deckchairs jitneħħew u jkun hemm ordni fil-ġarr tal-passiġġieri lejn Kemmuna!