Maratona li kixfet rassenjazzjoni politika fil-Partit Nazzjonalista
Blog post minn osservatur politiku
It-tama l-aħħar li tmut. Hekk hu imma din l-imbierka tama jista’ jkun li wkoll qed tinxef u tidbiel. Nhar il-Ħadd, għal min segwa l-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista, fehem li l-Partit Nazzjonalista għandu problemi kbar. Ir-rassenjament li għaddej bħalissa fost is-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista laħaq livelli li qatt ma rajnihom qabel. In-nuqqas ta’ entużjażmu li jidher ċar fost il-partitarji tal-Partit Nazzjonalista issa qed jinħass u qed jolqot fil-laħam il-ħaj.
Imma donnu t-tmexxija mhux tinduna b’dan jew ma tridx turi li taf b’dawn l-affarijiet għax qed issib diffikulta li tammettihom. Nisperaw li dawk ta’ madwar it-tmexxija mhux qed ifesfsu li kollox sew. Għax jekk hu hekk, il-Partit Nazzjonalista għandu ħafna iżjed x’jagħmel milli wieħed jaħseb.
Jekk Bernard Grech qed jemmen dan it-tfesfis għandu impenn ħafna aktar qawwi milli qed jimmaġina hu stess. Jekk il-Partit Nazzjonalista jibqa’ għaddej kif inhu għaddej bħalissa, allura mhux talli ma hemmx ċans jitnaqqas id-distakk fl-elezzjoni li ġejja imma talli tant qed jonqsu l-ħeġġa u d-determinazzjoni fost l-għeruq li jista’ jiġri dak li kulħadd jaħseb li ma jistax isir, jiġifieri id-disinteggrazzjoni tal-istess partit.
Bħalissa l-Partit Nazzjonalista, speċjalment it-tmexxija, hi kapaċi tinjetta enerġija ġdida li tant hemm bżonn? Jew se noqogħdu naħsbu li r-riżultat tat-telfa jirriżulta għax il-votant inxtara biċ-ċekk li rċieva lejlet l-elezzjoni? Jiġifieri dejjem inwaħħlu f’xi ħadd u f’xi ħaġa basta ma nippuntaw qatt lejn il-Partit jew it-tmexxija tiegħu stess.
Imma l-Partit Nazzjonalista għandu għax jirrifletti wkoll fuq il-fatt li qed jitwarrbu ħafna nies flok nitgħallmu minn ta’ qabilna u nifhmu li hemm bżonn nabbraċċjaw lil kulħadd u naraw kif nagħmlu biex niġbdu lil kulħadd lura. Possibbli li dan il-partit ma jitgħallem minn ħadd? Possibbli ma jistax iħares x’għamel Joseph Muscat meta għannaq miegħu lil kull individwu anke dawk ta’ żmien Duminku Mintoff.
Żgur li ma hiex is-soluzzjoni li tkeċċi ‘l barra lil dawk li kienu hemm qabel l-2013. Qed nitkellmu fuq 9 snin ilu biss. Ara kemm intilfu nies għax użajna dik it-tattika. Dawk id-deċiżjonijiet ħolqu biss dwejjaq u antagoniżmu bejn il-partitarji tal-istess partit li jinsabu diġa’ f’rassenjament. Ma jistax partit politiku li qiegħed f’agonija jarmi lin-nies. Ħadd mhu għar-rimi. Il-Partit Nazzjonalista jrid joqgħod attent li ma jaqax għal-logħba politika tal-partit oppost.
Il-Partit Laburista jaf jilgħab il-logħba li jikkonvinċik twarrab xi nies u tkun waqgħajt għan-nasba tiegħu. Kulħadd għandu l-preġji tiegħu u kulħadd għandu x’joffri. Mela iftaħ il-bibien u mhux tgħalaqhom. Għannaq il-kulħadd mhux twarrab xi wħud. Kulħadd jixtieq iħares lejn futur aħjar. Nisperaw u nittamaw li l-Partit Nazzjonalista jsib tassew saqajh. J’Alla jibda jqajjem l-entużjażmu fost in-nies tiegħu, xi ħaġa li nhar il-Ħadd ikkonvinċiet bil-maqlub.
Imma t-tama l-aħħar li tmut u għalhekk, għal ġid ta’ pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jibda jirraġuna u jara ċar. Huwa mportanti li kemm jista’ jkun malajr joħroġ minn dan l-isturdament li qiegħed fih biex din il-familja tant importanti għal pajjiżna terġa’ tingħaqad u tagħti l-aħjar tagħha għall-ġid tal-poplu kollu Malti u Għawdxi.